L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù” (Ġw 6:24). Hekk naqraw fuq dawn in-nies fl-Evanġelju skont San Ġwann. Naraw din il-ħerqa kbira li kellhom biex isibu lil Ġesù. Fil-fatt l-Evanġelju jgħid li kien hemm dgħajsa waħda u raw li Ġesù ma kienx fiha, imbagħad stennew, ġew id-dgħajjes minn Tiberija u lanqas hemm ma kien Ġesù, imma tant riedu jsibu lil Ġesù li telgħu fuq id-dgħajjes huma u marru lejn Kafarnahum biex ifittxu lil Ġesù. Hija sabiħa din il-ħerqa kbira biex dawn in-nies jaslu għand Ġesù. 

Imma x’kien l-iskop? Riedu jmorru għand Ġesù biex jisimgħu l-kelma tiegħu? Riedu li jkunu dixxipli tiegħu, ikomplu jimxu warajh? Hemm siltiet fl-Evanġelju fejn naqraw li n-nies kellhom ħerqa biex jisimgħu l-kelma tiegħu, imma hawnhekk, f’dal-każ, ma jidhirx li kien hekk għax meta waslu għand Ġesù, hu qalilhom: “Intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu” (Ġw 6:26). Ġesù qed jgħid hawnhekk għall-miraklu tat-tkattir tal-ħobż għax dawn kienu l-istess nies li marru tajjeb – dakinhar, Ġesù bil-miraklu li għamel, tema’ lilhom u baqa’ żżejjed ukoll. Qed jgħidilhom: intom din għoġbitkom u qed tfittxuni għalhekk, għaliex tafu li miegħi dawk l-affarijiet li tixtiequ se ssibuhom. Imma hija tfittxija superfiċjali: mhux għal dak li Ġesù xtaq li jfittxu fih, imma għal dak li jistgħu jiksbu minnu, bħalma hu l-ħobż, bħalma hu l-ikel.

Nixtieq li naraw ftit x’jagħmel Ġesù għax din hi ta’ interess għalina lkoll. Hemm ħaġa sabiħa f’dawn in-nies li jiddjalogaw ma’ Ġesù, jisimgħuh u jitkellmu miegħu, jistaqsuh. U, fil-fatt, l-ewwel ħaġa li tolqotna f’Ġesù hija li qatt ma jagħmel biex ikun popolari. Meta ra dawn in-nies li għamlu minn kollox biex jaslu ħdejh, ma waqafx fuq il-fatt li n-nies qed ifittxuh, għalhekk ifittex li jkun popolari man-nies. Għax Ġesù ma kienx ifittex li jgħid lin-nies dak li jridu jisimgħu imma dak li għandhom bżonn jisimgħu. Għalhekk mal-ewwel jgħidilhom: intom qed tfittxuni għall-ikel, imma tridu titħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi imma għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.

Jibda dan id-djalogu sabiħ man-nies, għax għalkemm Ġesù jkellem lin-nies b’mod ċar, jgħidilhom b’mod li jiftaħ dan id-djalogu magħhom, biex jgħinhom jagħmlu dik il-mistoqsija hekk importanti: “x’għandna nagħmlu?” (Ġw 6:28). Innutaw dil-mistoqsija fl-Evanġelju tal-lum hi dejjem il-mistoqsija fundamentali. Niftakru meta Ġesù qam mill-mewt, imbagħad bagħat l-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli, u dawn ħarġu jħabbru li Ġesù huwa ħaj, in-nies li semgħuhom l-ewwel mistoqsija li għamlu kienet din: “x’għandna nagħmlu?” (Atti 2:37) Hija mistoqsija importanti, għax mhux l-istess bħal meta tgħid: X’jaqbilli nagħmel? X’qed jgħidu n-nies li għandi nagħmel? X’jippretendu minni li għandi nagħmel? X’jiswieli tajjeb li nagħmel, għax indaħħal xi ħaġa? Imma l-mistoqsija hija: x’għandi nagħmel? X’għandna nagħmlu?

U Ġesù jgħidilhom: “li intom temmnu f’dak li huwa bagħat” (Ġw 6:29). Minn hemm irridu nitilqu f’dak li għandna nagħmlu: nemmnu fih, inqiegħdu l-fiduċja fih, biex ikun hu li jmexxina. Imbagħad jgħidilna bħalma qal lid-dixxipli: “Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:27). X’inhu l-ikel li jgħaddi? Huma diversi affarijiet fil-ħajja li aħna nirsistu għalihom, imma jgħaddu. Hu qed jgħid: ma norbtux qalbna ma’ dak li jgħaddi, imma ma’ dak li jibqa’. Hawn, aktar ’il quddiem, fl-Evanġelju skont San Ġwann f’kapitlu sitta, Ġesù jinsisti ħafna fuq l-Ewkaristija: l-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem. Dan għaliex fl-Ewkaristija aħna għandna lilu, u meta aħna nirċevuh, qed nirċievu tassew dak li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.

Dan hu li għandna nfittxu. Meta nsibu lilu, Ġesù jgħinna niskopru u nagħżlu dak li jgħaddi minn dak li jibqa’. Per eżempju, valuri sbieħ bħalma hija l-imħabba. Dak kollu li nagħmlu b’imħabba ġenwina fil-ħajja tagħna hu dak li jibqa’, ma jgħaddix, għandu valur etern.

Nitolbu lill-Mulej biex aħna nagħrfu lilu, biex imexxina hu, biex jgħinna hu nagħżlu fil-ħajja u norbtu qalbna ma’ dak li jibqa’, mhux dak li jgħaddi; u jgħinna wkoll nużaw il-ġid li jgħaddi b’mod li qatt ma nitilfu dak li jibqa’ għal dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju