• L-Erbgħa 29 ta’ Ġunju 2016, filgħodu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa purċissjoni sal-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl ir-Rabat. Wara, l-Arċisqof ċċelebra Quddiesa Pontifikali fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl, il-Katidral tal-Imdina.

    The Celebration of Mass on YouTube

     
  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

     
  • Katidral tal-Imdina

    29 ta’ Ġunju 2016
     
    “Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-smewwiet u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet” (Mt 16, 19). Din is-setgħa li l-Mulej Ġesù ta lill-appostlu Pietru u, permezz tiegħu lill-appostli kollha matul is-sekli, għaliex l-isqfijiet huma s-suċċessuri tal-appostli, din is-setgħa hija setgħa ta’ ħniena.

    Pietru x’jorbot fuq din l-art? Jorbot bil-ktajjen tal-ħniena lill-Ħażin. Infatti fir-rit tal-eżorċiżmu, l-eżorċista jorbot lil Satana bis-setgħa ta’ Ġesù Kristu. U din hija setgħa ta’ ħniena. Xi jħoll Pietru fuq l-art? Iħoll lilna mxekklin mill-vizzji tagħna u minn dnubietna u mill-ħakma tax-xitan. U dak li jħoll fuq l-art bis-setgħa ta’ Ġesù Kristu jkun maħlul fis-smewwiet.
    L-appostli li aħna qegħdin infakkru llum, Pietru u Pawlu, irċivew din is-setgħa imma qabel xejn, għexu l-esperjenza tagħha f’ħajjithom għax f’ħajjithom sabu lil Ġesù li, fil-ħniena kbira tiegħu, jorbot il-ħażen li kien ixekkilhom u lilhom iħollhom mill-irbit tax-xitan.
    L-esperjenza ta’ Pietru li smajna dwarha fl-Ewwel Qari (Atti 12, 1-11) hija esperjenza konkreta u qawwija ħafna ta’ din is-setgħa ta’ Ġesù Kristu li jilliberana mill-ħabsijiet ta’ din  id-dinja. Erodi arresta lil Pietru u tefgħu l-ħabs. Min għamel l-esperjenza tal-ħabs jaf x’jiġifieri; imqar li tinqabad imsakkar ġo lift, ukoll hija esperjenza, esperjenza ta’ għeluq, ta’ paniku, esperjenza li ġġagħlek tgħid: ‘imma m’hemm ħadd li jisma’ l-għajta tiegħi qabel nikkonsma l-ossiġnu kollu f’din il-gabina?’. Min għadda minnha din l-esperjenza jaf eżatt x’jien ngħid u min m’għaddhiex minnha, ma nawguralux.
    Inti trid tidħol f’sentiment li għandek bżonn min jeħilsek u lil min jiftaħlek il-bieb fl-aħħar, tkun trid iddehbu bil-gratitudni tiegħek. Pietru għadda minn din l-esperjenza ta’ ħelsien mill-għeluq u mill-ħabs bil-qawwa tal-anġlu tal-Mulej waqt li l-Knisja kienet qed titlob lil Alla għalih.  Għax veru l-Qari li għadna kemm smajna llum mill-Atti tal-Appostli kapitlu tnax, jiddeskrivi l-intervent tal-anġlu tal-Mulej. Bħalma kellu ċans jgħid darba, il-Papa Benedittu XVI:  “Il-qawwa tat-talb tal-Knisja ma nistgħux innaqsu l-qawwa tiegħu, il-preġju tiegħu”. Pietru kien arrestat fil-ħabs bil-għassa miegħu imma fl-istess ħin il-Knisja kienet qed titlob għalih bil-ħerqa.
    Illum aħna u niċċelebraw dawn il-pedamenti tal-fidi, Pietru u Pawlu, irridu wkoll ningħaqdu bħala Knisja. Nitolbu għal dawk ħutna li għandhom bżonn l-ixkil tagħhom jintrabat u huma jinħallu mill-ktajjen tal-ħażen. Ġesù lil din il-Knisja ħerqana fit-talb, qalilha kliem ta faraġ, bnieha fuq il-blata tal-fidi ta’ Pietru “is-setgħat tal-infern” qal, “ma jegħlbuhiex” (Mt 16, 18). Illum niftakru fil-kliem ta’ Ġesù: is-setgħat tal-infern ma jegħlbux il-Knisja ta’ Ġesù għaliex hija mibnija fuq il-fidi li nissel Pietru, li stqarr Pietru, li xehed għaliha bit-tixrid ta’ demmu. “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj, fik Ġesù ta’ Nazaret iseħħ l-wegħdiet kollha. Inti l-Midluk, il-Kristu, is-Salvatur. Inti l-Iben ta’ Alla l-ħaj, is-Sid tal-istorja”.
    F’kull epoka l-Knisja taħsibha dgħajsa se tegħreq, f’kull mument tal-istorja jkollna t-tentazzjoni naħsbu li: ‘iva,veru imma issa s-setgħat tal-infern qawwija wisq’ u dvenden matul is-sekli, il-kelma samma u sħiħa, soda u fidila ta’ Ġesù: “Is-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex”. U għaliex hija għandha din l-immunità, għaliex hija soda fi Kristu, għandha wkoll l-infietaħ tas-Saltna tas-smewwiet u kull ma torbot fuq l-art, ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.
    F’din is-Sena Ġubilarja tal-Ħniena għalhekk nirringrazzjaw lil Alla fis-solennità ta’ San Pietru u San Pawl, li hu jagħti din is-setgħa ta’ ħniena lill-Knisja tiegħu u Ġesù taha wkoll is-setgħa fuq il-ħażen għaliex din hija wkoll ħniena.
    ✠ Charles J. Scicluna                                                          

         Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: Photocity, Valletta.