L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Huwa Ġesù stess li jqabbel lilu nnifsu mas-serp tal-bronż, li Mosè refa’ fid-deżert biex ikun sinjal ta’ fejqan għall-poplu kollu. “Kif Mosè refa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-Bniedem” (Ġw 3:14). Illum, fil-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, naqraw dan l-Evanġelju. Il-kelma ‘eżaltazzjoni’ tfisser ‘irfigħ’, jiġifieri li tintrefa’ ’l fuq. Nużawha wkoll għall-glorja ta’ xi ħadd. Ġesù jgħaqqad l-glorja tiegħu, l-eżaltazzjoni tiegħu, proprju mat-tislib tiegħu fuq l-Għuda. Ġesù huwa merfugħ, imsammar mal-Għuda, merfugħ ’il fuq fuq is-salib u jsir sinjal ta’ fejqan bħalma kien is-serp tal-bronż fi żmien Mosè.

Kemm hi ħaġa sabiħa, u jien nikkomwovi ruħi, anke meta f’dar ta’ familja żagħżugħa — mhux biss fil-familji tan-nanniet u tal-qraba tagħna — issib is-sinjal tas-salib. Kemm hi sabiħa li fid-djar tagħna għadna ngħożżu dan is-salib. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna l-Maltin, qabel l-ikel, qabel nibdew vjaġġ, meta ngħaddu minn ħdejn ċimiterju, jew meta jkollna bżonn l-għajnuna tal-Mulej, inroddu s-salib: fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Għaliex is-sinjal tas-salib fih qawwa kbira. Bih il-Knisja tbierek; bih il-Knisja teħlisna mill-ħakma tal-ħażin; bih il-Knisja fis-sagramenti taħfer id-dnubiet, tikkonsagra l-ħobż u l-inbid li jsiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Aħna nitgħammdu fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Anke ċ-ċrieket li l-miżżewġin waqt li qed jagħtu lil xulxin bħala sinjal ta’ mħabbithom  jgħidu fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Is-sinjal tas-Salib ifakkarna li Alla huwa mħabba.

Filfatt Ġesù jgħid li kif is-sinjal tal-bronż kien sinjal ta’ fejqan, anke l-kurċifiss, mhuwiex sinjal ta’ kundanna għalina; anzi, huwa s-sinjal tal-kundanna ta’ Ġesù; għax aħna l-bnedmin hekk stmajnieh, hekk ittratajnieh. Imma dik il-kundanna li aħna għaddejnieh elfejn sena ilu, biddilha f’ħelsien, f’fejqan u f’salvazzjoni. “Għax Alla ma bagħatx lil ibnu fid-dinja biex jagħmel ħadd mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu” (Ġw 3:17).

Kemm tkun ħaġa sabiħa, li aħna u noħorġu minn din id-dinja biex niltaqgħu ma’ Ġesù, il-bewsa tagħna tkun lejn is-Salib Imqaddes. Filfatt il-Knisja — anke għal min ma jkunx jista’ jkun akkumpanjat mis-saċerdot fl-aħħar nifs ta’ ħajtu — tagħti din il-grazzja kbira. Jekk qabel tieħu l-aħħar nifs tbus il-kurċifiss, għandek mhux biss il-ħelsien ta’ dnubiet kollha ta’ ħajtek kollha; imma wkoll il-ħelsien tat-tpattija ta’ dnubietek. Kemm għandu qawwa s-sinjal tas-salib! Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna ngħożżuh, ikollna devozzjoni lejn ix-xbieha qaddisa ta’ Kristu Msallab, li għalina hija għajn ta’ barka, ħelsien u protezzjoni.    

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Numri 21:4b-9
Salm: 77:1-2,34-38
Qari II: Fil 2:6-11
L-Evanġelju: Ġw 3:13-17