Il-Knisja f’Malta tifraħ u tirringrazzja lil Alla għall-ordinazzjoni ta’ għaxar saċerdoti u erba’ djakni. L-ordinazzjonijiet djakonali u presbiterali mill-Arċisqof Charles Jude Scicluna ser isiru nhar is-Sibt 27 u t-Tnejn 29 ta’ Ġunju 2020, u ser jixxandru fuq TVM2, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.
L-ordinazzjoni presbiterali ser issir nhar it-Tnejn, 29 ta’ Ġunju, Solennità ta’ San Pietru u San
Pawl, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re, Raħal il-Ġdid, fis-6:30 p.m.
L-għaxar djakni li ser jiġu ordnati saċerdoti huma:
- Osmar Baldacchino mill-Parroċċa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi
- David Borg mill-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar
- Christopher Bugeja mill-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat
- Andrew Camilleri, mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina, iż-Żurrieq (Moviment tal-Fokolari)
- Jonathan Debattista mill-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien
- Michael Debono, Kumpanija ta’ Ġesù (Ġiżwita)
- Damian John Formosa, Salesjan ta’ Don Bosco
- Jake Mamo, Salesjan ta’ Don Bosco
- Tony Pace mill-Parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal Safi
- Paul Spiteri, Salesjan ta’ Don Bosco
L-ordinazzjoni djakonali ser issir jumejn qabel, nhar is-Sibt, 27 ta’ Ġunju, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina, iż-Żejtun, fid-9:30am. L-erba’ kandidati li ser jiġu ordnati djakni huma:
- Roderick Baldacchino mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina, iż-Żejtun
- Joshua Cortis mill-Parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun
- Jean-Claude Schembri mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina, iż-Żejtun
- Mark Scicluna tal-Ordni tal-Aħwa Minuri Kapuċċini
Iċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet tas-Seminarju qed jistieden lill-pubbliku, b’mod speċjali liż-żgħażagħ, biex isiru jafu aktar lis-saċerdoti l-ġodda. Għal dan il-għan tħejjew filmati qosra dwar l-esperjenzi differenti tagħhom qabel daħlu s-Seminarju, li juru kif Alla jinqeda b’toroq tal-ħajja differenti biex iwassal is-sejħa tiegħu. Fost dawn l-esperjenzi nsibu x-xjenza, l-arti, il-familja, il-parroċċi u l-gruppi ta’ żgħażagħ. Fuq il‑websajt www.seminaryvocationscentre.mt wieħed jista’ jsib ukoll l-esperjenzi tal-għaxar saċerdoti ġodda f’aktar dettall.
Il-komunità tas-Seminarju u l-komunitajiet reliġjużi qed jistiednu lill-Insara biex jingħaqdu magħhom f’mument ta’ talb li ser jixxandar fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Parroċċa tal-Mosta, għada, il-Ħamis, 25 ta’ Ġunju fit-8pm mill-Bażilika tal-Mosta, fejn ser isir talb għas-saċerdoti ġodda u għal iżjed vokazzjonijiet.