L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna se jordna ħames djakni ġodda nhar is‑Sibt li ġej, 30 ta’ April 2022. Il‑quddiesa se ssir fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, fid‑9:30 a.m. Din se tixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.
Il‑ħames djakni huma tliet seminaristi u żewġ reliġjużi. It‑tliet seminaristi huma Gylan Camilleri mill‑Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il‑Għajn; Ian Diacono mill‑Parroċċa ta’ Stella Maris, Tas‑Sliema; u Clive Seychell mill‑Parroċċa ta’ San Ġużepp, il‑Kalkara. Iż‑żewġ reliġjużi huma Fra Manwel Aquilina tal‑Beata Marija tal‑Inkarnazzjoni, tal‑Ordni Karmelitan Tereżjan u Fra Ian Zammit, tal‑Ordni tal‑Predikaturi.
Permezz ta’ din l‑ordinazzjoni, id‑djakni l‑ġodda jsiru xebh ma’ Ġesù Kristu li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd. Id‑djaknu jiddedika ħajtu għall‑qadi bl‑imħabba fis‑servizz tiegħu lejn il‑poplu, jassisti lill‑isqof u lis‑saċerdoti fiċ‑ċelebrazzjoni tal‑misteri qaddisa, l‑aktar tal‑Ewkaristija, jamministra s‑sagrament tal‑magħmudija, jassisti għaż‑żwieġ u jbierku, ixandar l‑Evanġelju u jipprietkah, u jmexxi l‑funerali.