Ser terġa tittella l-Maratona Oħloq Tbissima: 60 siegħa ta’ xandir live miċ-ĊAM Productions international (CPi) u l-Production House fi ħdan is-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP). L-għaxar edizzjoni tal-maratona ser tibda f’nofsinhar tat-3 t’Awwissu u tibqa’ sejra sal-Ħadd 5 t’Awwissu f’nofsillejl.
Bħal edizzjonijiet passati, l-għan huwa li titqajjem kuxjenza missjunarja, filwaqt li jinġabru fondi b’risq il-missjonijiet fi ħdan l-MSSP, fil-Filippini, fil-Peru u fil-Pakistan, kif ukoll b’risq id-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera u għall-Evanġelizzazzjoni permezz tal-Media.
Tim ta’ 85 voluntier, ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja, se jmorru fil-missjoni tal-MSSP fil-Peru, flimkien mal-President Dr. George Abela, biex jagħmlu esperjenza missjunarja. Din hija okkażjoni speċjali, li qed tonora din l-għaxar edizzjoni tal-Maratona.
Din is-sena l-Maratona ser tiġi inawgurata mill-Eċċellenza Mons. Arċisqof Pawlu Cremona u mill-President Dr. George Abela.
Għal darb’oħra, l-bitħa ta’ Dar San Ġużepp f’Santa Venera, ser tiġi ttrasformata fi studio kbir minn fejn ser jittella’ programm varjat bil-għan li jolqot lil nies ta’ kull eta’. Il-programm se jinkludi b’mumenti ta’ talb, quddies, features, links mal-missjunarji permezz ta’ Skype, diskussjonijiet, logħob, rokna tat-tfal, rokna taż-żgħażagħ, rokna tal-Bands, u kull filgħaxija spettaklu mill-aqwa bil-partiċipazzjoni ta’ l-aqwa talent lokali.
Il-Pubbliku huwa mħeġġeġ biex jipparteċipa f’din il-Maratona, kemm billi jagħti d-donazzjoni tiegħu, kif ukoll billi jżur l-attivita’ f’Santa Venera. Is-60 siegħa tal-maratona ser ikunu qed jixxandru fuq Favourite TV, b’diversi kollegamenti ma’ TVM, NET TV u ONE TV. Il-Maratona ser tkun kollha kemm hi streamed live fuq il-website ta’ ĊAM Productions international: www.camcpi.org
Kull min jixtieq jagħti d-donazzjoni tiegħu jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq:
€10: 51602004;
€15: 51702007;
€25: 51802009;
SMS €4.66: 50618099.