L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju li għadna kemm smajna minn San Mattew, proprjament jagħtina żewġ informazzjonijiet importanti. L-ewwel waħda hi, li biex jipproteġi lit-tifel, Ġużeppi mnebbaħ mill-Mulej permezz ta’ ħolma, jiddeċiedi li jitlaq minn pajjiżu u jmur l-Eġittu. Il-Familja Mqaddsa ssir familja refuġjata; taħrab mill-periklu u ssib kenn f’post ieħor. Meta nitkellmu dwar dawk li jkollhom jaħarbu minn sitwazzjonijiet iebsa, fil-ġurnata tal-lum, tajjeb niftakru li l-Familja Mqaddsa, li tant ngħożżu u li għandna tant devozzjoni lejn il-Bambin, lejn Ġesù, lejn San Ġużepp, lejn il-Madonna; nagħmlu tant purċissjonijiet, tant festi għal dawn il-qaddisin għeżież, għall-Familja Mqaddsa; kultant ninsew li dawn għamlu snin refuġjati fl-Eġittu, maħruba mill-qilla ta’ Erodi.

Il-konferma ta’ dak li l-anġlu jgħid lil Ġużeppi fil-ħolm, hi proprju d-deċiżjoni ta’ Erodi, li jibgħat “joqtol f’Betlehem u fl-inħawi kollha tagħha lit-tfal subien kollha ta’ minn sentejn ’l isfel” (Mt 2:16). Innota x’kienu qalulu l-Maġi, li dawn xtaqu jafu fejn se jitwieled dan ir-Re tal-Lhud. L-Iskrittura qalet Betlehem hu l-post. Il-Maġi marru Betlehem. Erodi qalilhom: “Meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu” (Mt 2:8). Dawn kienu mwissija biex imorru lura minn triq oħra u ma javżawx lil Erodi. Erodi, kif jgħidilna l-Evanġelju, “meta ra li l-Maġi kienu daħku bih, inkorla bis-sħiħ” (Mt 2:16). Il-qilla tiegħu għall-poter, il-paniku li qabdu jiġi propju żvugat, biex ngħidu kelma iebsa; f’din il-qilla kontra t-trabi innoċenti.

Nagħmlu tant  purċissjonijiet, tant festi għal dawn il-qaddisin għeżież, għall-Familja Mqaddsa; kultant ninsew li dawn għamlu snin refuġjati fl-Eġittu, maħruba mill-qilla ta’ Erodi

Fid-dinja tal-lum, hemm ħafna qilla għat-trabi innoċenti; mhux bilfors minn Erodi, imma minn tant ċirkustanzi; kultant jagħmluha diffiċli wkoll għal ommijiet, għall-ġenituri, li jħarsu lejn tarbija ġdida b’tama u b’ferħ, kif nixtiqulhom u kif għandu jkun. Aħna rridu nkunu qrib ta’ dawn il-persuni f’sitwazzjonijiet diffiċli. Imma ħafna drabi, bħalma jgħid il-Papa, wieħed għandu jaħseb u jifhem, li inti ma tistax toqtol biex issolvi problema. Il-qtil tal-innoċenti qatt ma ġab barka fuq id-dinja. Id-dinja sfortunatament, kuljum toħloq vittmi innoċenti. Tant sitwazzjonijiet; mhux it-trabi biss ta’ Betlehem, huma vittmi innoċenti.

Dawn jissejħu martri għax kienu vittmi; ma kellhomx l-età biex jagħtu xhieda ta’ Ġesù, ma kinux jafu minn hu Ġesù. Il-providenza riedet li jkunu vittmi, imma din hi providenza iebsa. Tgħiduli: ‘dan Alla riedu?’ Proprjament Erodi riedu mhux Alla. Ħafna drabi nwaħħlu f’Alla, faċli ngħidu: ‘Allura Alla ma setax isalvahom dawn?’, u Erodi ma setax ma jagħmilhiex din il-ħaġa, hu li kellu l-poter? Min għandu r-responsabbiltà u l-poter għandu kont qawwi x’jagħti lill-Mulej, tad-deċiżjonijiet tiegħu. Kemm hi għarfa dik il-kelma tal-antiki: aħseb x’jiġi wara. Inti tagħmel firma, jew taqtagħha malajr, u l-konsegwenzi min se jġorrhom?            

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Ġw 1: 5; 2: 2
Salm: 123: 2-5.7b-8
L-Evanġelju: Mt 2: 13-18