-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Kappella tal-Isptar Mater Dei, l-Imsida
12 ta’ April 2019Waħda mill-aktar xeni ta’ qsim il-qalb hi dik ta’ omm tibki lil xi ħadd minn uliedha. Ġieli naraw xeni bħal dawn minn postijiet fejn ikun hemm il-gwerra jew t-terroriżmu. Huma xeni ta’ niket kbir.
Din hi x-xena li għandna quddiemna meta llum qed niċċelebraw lil Marija Addolorata. Hija l-Omm li taqsam it-tbatija ma’ binha waqt li qed imut.
Ħajja mmarkata bit-tbatijaMa kienx dan il-mument biss fejn Marija għaddiet mit-tbatija f’ħajjitha. Tista’ tgħid li kull fejn insibuha fl-Evanġelju, b’xi mod jew ieħor dejjem taffaċċja t-tbatija. Aħsbu ftit: fit-twelid ta’ Ġesù, meta ma kellhiex post fejn twelldu; imbagħad meta l-familja ta’ Nazaret kellha taħrab lejn l-Eġittu bħala familja refuġjata; fil-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju meta Xmun qalilha: “Sejf għad jinfidlek qalbek”; meta tilfet lil Ġesù fit-tempju.
Imma żgur lejn l-aħħar ta’ ħajtu kienet l-agħar esperjenza meta rat lin-nies iduru kontrih u jkun miċħud, insulentat, imsallab wara ħajja fejn għamel tant ġid.
Il-preżenza ta’ MarijaĦa nħarsu lejn Marija taħt is-salib, fejn l-Evanġelju jgħid li kienet wieqfa flimkien ma’ ftit nies oħra. X’naraw f’din il-preżenza ta’ Marija?
Hi preżenza ta’ solidarjetà. Ħajjitha kollha preżenza siekta imma sensittiva. Turina Marija: mhux li tparla jew kemm tparla jgħodd, imma li tkun preżenti ħdejn min qed ibati.
Hi preżenza ta’ tama. Għal Ġesù hi preżenza li tfisser li s-salib mhuwiex it-tmiem, mhux l-aħħar kelma, imma dik hi t-triq li twassal għall-glorja.
Hi preżenza ta’ Omm. Omm Ġesù, li fuq is-salib jagħtihielna bħala Omm l-umanità. Fuq is-salib lil Ġwanni jgħidlu: “hawn hi ommok”. Dan l-isbaħ rigal tahulna fil-mument tal-akbar tbatija.
Marija tifhem it-tbatija tagħnaMarija hi l-omm li timxi magħna l-mixja ta’ ħajjitna, hija dan il-wirt prezzjuż tal-umanità. Hi ommna fil-mumenti kollha ta’ ħajjitna, imma speċjalment waqt it-tbatija. Tista’ tifhimna għax hi ġarrbet ħafna tbatija.
Fil-mumenti ta’ sofferenza bħalma hu l-mard, meta niltaqgħu mas-slaleb tal-ħajja, meta nħossu l-piż tal-ħajja jaħbat se jegħlibna, meta niltaqgħu mal-ingratitudni, meta nintebħu bl-iżbalji tagħna u naħbtu naqtgħu qalbna, ejjew inħarsu lejn din l-omm li qatt ma tħallina waħedna jew tabbandunana, u nitolbuha: Marija Santissima, kun inti ommna.
Serraħt int lill-qalb għajjienaNixtieq nagħmlu tagħna silta mit-talba li għamel Rużar Briffa, tabib dermatologu u poeta, fil-poeżija tiegħu L-Għanja tal-Imnikket:
“O Madonna tad-Duluri,
Ma stmerrejtx
Inti l-midneb ġewwa darek
‘Ma tbissimt minn fuq altarek
Kollok ħlewwa, kollok ħniena,
Serraħt int lill-qalb għajjiena,
Inti biss.”✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju -
-
-
Ritratti: knisja.mt/ritratti