L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Nibda billi nagħti żewġ informazzjonijiet mid-dinja ta’ żmien Ġesù biex niftiehmu u anke nifhmu ħafna iżjed din il-parabbola, din l-istorja li jirrakonta l-Mulej fl-Evanġelju tal-lum meħud mill-Evanġelju ta’ San Mattew kapitlu 20.

Is-siegħa tax-xogħol jew il-ġurnata tax-xogħol fi żmien Ġesù pjuttost kienet magħmula minn 12-il siegħa mis-sitta ta’ filgħodu sas-sitta ta’ filgħaxija. Il-jum kien jinqasam fi tnax-il siegħa u għalhekk meta l-Evanġelju jgħidilna t-tielet siegħa jiġi d-disgħa ta’ filgħodu; is-sitt siegħa tiġi nofsinhar, id-disa’ siegħa tiġi t-tlieta ta’ waranofsinhar, il-ħdax-il-siegħa tiġi xi l-ħamsa ta’ waranofsinhar, propju jkun għad baqa’ siegħa xogħol. Għalhekk il-ħdax-il-siegħa f’ġurnata ta’ dawn li tibda mis-sitta ta’ filgħodu sas-sitta ta’ filgħaxija meta mbagħad jibda nżul ix-xemx.

Il-kelma dinar. Dinar kienet munita tal-fidda li fi żmien Ġesù kien ikollha x-xbieha tal-imperatur, fil-każ ta’ żmien Ġesù kien ikollha x-xbieha tal-imperatur Tiberju. Kienet il-ħlas ta’ ġurnata xogħol. Mela jekk jiena nqabbdek taħdem ġurnata xogħol u nagħtik dinar, qed nagħtik il-paga ġusta.

Issa l-istorja tgħidilna li dan is-sinjur qabbad diversi nies f’diversi siegħat tal-ġurnata u allura min ħadem ġurnata sħiha, min ħadem ftit inqas, u kien hemm min ħadem siegħa biss (Mt 20:1-7). Dak li jrid jgħid Ġesù huwa li fl-aħħar dawn – għax beda jħallas minn dawk li kienu għamlu siegħa biss – ħadu l-istess ħlas. Jekk inti ikollok timxi bil-mod kif nifhmu aħna, dak li aħna nsejħulu l-meritokrazija, skont il-mertu ta’ dak li jkun, tgħid aħna mhux bis-sigħat nitħallsu? Jekk jien għamilt iżjed minn siegħa, irrid nitħallas daqskemm min għamel siegħa kemm għamilt jien, jekk għamilt tliet sigħat allura tliet darbiet iżjed minnu.

Hemm loġika f’dan ir-raġunament. Mhux qed ngħidu li huwa raġunament ħażin. Imma Ġesù allura x’qed jipprova jispjegalna?

Hu għalhekk fl-Ewwel Qari għandna dik il-frażi importanti ħafna mill-profeta Iżaija. “Daqskemm huma ogħla s-smewwiet mill-art, daqshekk ieħor huma triqati” il-mod kif nimxi jien, “minn triqatkom. Il-fehmiet tiegħi”, kif nifhimha jien, “huma għola” ’il bogħod “mill-fehmiet tagħkom” (Iż 55:9).

Aħna ħafna drabi mal-Mulej – u din b’mod speċjali aħna l-Kattoliċi magħrufin għaliha – qisna donna nidħlu f’kuntratt: ara jien se nkun bravu u inti se taqdini. Jiena se nipprova nirranġa nsomma, inxellifha u nobdi l-kmandamenti kif nista’ u lill-kappillan jew lill-Arċipriet nagħtih xi ħaġa żejda wkoll imbasta l-għelieqi tiegħi jagħmluli l-frott, uliedi jkunu b’saħħithom, jiena ndum ngħix ħafna. Nidħlu f’kuntratt mal-Mulej! Donnu l-Mulej se jħallasna għat-tjubija tagħna!

Ġesù li qed jipprova jispjegalna hija li l-Mulej jagħti ħlas sabiħ lil kullħadd għax hu ħanin ħafna. Il-Ħadd li għadda tkellimna fuq il-paċenzja ta’ Alla u jrid jgħallimna li m’hemmx għalfejn toqgħod tinnegozja ma’ Alla. Alla jħobbok tant li jixtieqek tgħix ta’ nies imma hu lest li anke għall-farka rieda tajba tiegħek, jagħtik il-ħlas sħiħ. Meta aħna nibdew nifhmu kif jirraġuna Alla, niġġudikaw inqas lil xulxin, nieħdu paċenzja iżjed b’xulxin anke bina nfusna. Aħna kultant ma nħobbux lilna nfusna kif u daqskemm iħobbna Alla. Għax meta tinduna kemm inti dgħajjef u kemm għandek dejn mal-ħniena t’Alla tgħid: ‘min jaf x’kastig se jfaqqagħli’ Alla ma jirraġunax hekk u din l-esaġerazzjoni li qed jipprova jgħaddi Ġesù li hija kważi skandaluża, hija propju l-iskandlu tal-ħniena u l-paċenzja tiegħu.

M’hemm ħadd, m’hemm ħadd hu min hu, għamel x’għamel, li għandu qatt jaqta’ qalbu mill-ħniena t’Alla. Aħna li forsi nqisuna ta’ ġewwa – ma nafx jiena jekk aħniex ta’ ġewwa ma’ Ġesù – nippretendu xi dijadema ikbar minn ta’ ħaddieħor. Il-Mulej qed jgħallimna: ħabib, jiena dak li wegħedtek tajtulek tal-ħajja tajba tiegħek, tax-xogħol tiegħek. Toqgħodx issa tiskandalizza ruħek għax jien fil-ħniena tiegħi se nagħti l-istess glorja, l-istess tgawdija lil min forsi f’ħajtu ma kienx ixxurtjat daqsek. Forsi ħadd ma stiednu jidħol fil-għalqa tal-Mulej u jaħdem minħabba ċ-ċirkustanzi li mhux bilfors ikunu tort ta’ dak li jkun.

Il-Mulej qed jipprova jiftaħ il-qalb tiegħu f’għalina u kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna nitrattaw lil xulxin bl-istess ħniena, bl-istess paċenzja li juri magħna Alla. U għalih m’hemmx tal-ewwel u tal-aħħar. Fil-fatt meta Ġesù jgħid: “Hekk tal-aħħar jiġu l-ewwel u tal-ewwel jiġu l-aħħar” (Mt 20:16) ifisser: toqgħodx taħseb li min għandu kappell jew xi berettin bil-fjokki huwa qaddis iżjed minn xi ħadd li fl-għajn tad-dinja huwa inqas bravu. Inħallu l-ġudizzju f’idejn Alla u ngħixu ħafna iżjed kuntenti.

Kemm tkun ħaġa sabiħa imma li nifhmu li Alla għandu wkoll għalkemm huwa missier. Aħna tgħallimna minn Ġesù ngħidulu Missier, Missierna li inti fis-smewwiet. Imma f’dawn il-parabboli Ġesù qed jurina li l-Missier tas-sema għandu wkoll qalb ta’ omm. Jiena biex nifhem il-parabbola ta’ Ġesù ħafna drabi l-iqsar triq li nsib hi li niftakar fl-ommijiet – intom tafu x’qieghed ngħid. Ikollok omm li għandha diversi wlied. Forsi jkun hemm wieħed tħarbat xi ftit, l-iżjed li taħseb fih u tħobbu daqs l-oħrajn. Kultant insib xi ħadd jgħidli: ‘taf kemm inkwetani dak’. Imma hemmhekk ikun hemm il-qalb ta’ omm li tħobb.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna nħobbu ’l xulxin bl-imħabba ta’ omm. L-omm tgħallimna l-imħabba ta’ Alla li hija mħabba skandaluża. L-omm ma tħobbx lil uliedha għax huma bravi, għax dejjem irrispettawha. L-omm tħobb għax hi omm. Alla huwa hekk.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 55, 6-9
Salm: 144 (145), 2-3.8-9.17-18
Qari II: Fil 1, 20c-24.27a
Evanġelju: Mt 20, 1-16