• ****

    Direttur: Ridley Scott

    Atturi: Matt Damon, Jessica Chastain, Chiwetel Ejiofor, Kate Mara

    Ħin: 130 minuti

    Klassifika tal-Gvern: 12A

    Klassifika tal-Knisja: 12A

    Waqt li l-ekwipaġġ ta’ vettura spazjali fuq Mars ikunu qed iħaffu biex jitilqu lejn id-Dinja biex jeħilsu minn tempesta qalila, Mark Watney jintlaqat minn antenna u jitħalla għal mejjet. Meta jerġa’ jiġi f’sensih jirrealiżża li jinsab waħdu fuq Mars, miljuni ta’ mili l-bogħod mid-Dinja, bi ftit ikel li jista’ jservih sa xahar, u li vettura spazjali oħra mhix ippjanat li tasal qabel erba’ snin oħra. Madankollu Mark ma’ jaqtax qalbu u jibda jara kif jista’ jkampa sakemm ikun jista’ jirritorna lura lejn id-dinja, fost oħrajn, billi jipproduċi l-ilma u jkabbar il-patata; imma jħossu ħafna waħdu. Sadanittant, fid-Dinja Mark huwa meqjus bħala mejjet. Imma wara ftit taż-żmien tekniku tan-NASA, waqt li tkun qed tissorvelja lil Mars tara li Mark iċċaqlaq minn fejn kien u jindunaw li Mark għadu ħaj. Fil-kwartieri tan-NASA kullħadd jifraħ, iżda mbagħad tqum il-kwestjoni ta’ kif se jġibu lil Mark lura. Wara li jfalli attentat biex NASA tibgħat vettura spazjali bl-ikel, sħab Mark li kienu fuq il-vettura spazjali miegħu u li jkunu għadhom qed jirritornaw lejn id-Dinja, jiddeċiedu li jduru lura biex iġiebuh lura, għalkemm jafu li se jkunu qedin jissograw ħajjithom bil-kbir.

    Film tal-fantaxjenza bbażat fuq ir-rumanz ta’ Andy Weir. Huwa film spettakulari u pjaċevoli, u fih element ta’ umoriżmu, b’waqtiet ta’ tensjoni u emozzjonali, dwar salvataġġ fl-ispazju. Matt Damon jagħti interpretazzjoni tajba ħafna fil-parti ta’ Mark Watney, u l-istess jagħmlu l-atturi l-oħrajn. Fih xi kliem ħażin u xena ftit imbarazzanti. Tfal sa 12 il-sena għandhom ikunu akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom.