L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Nirringrazzja lill-benefatturi, il-volontarji kollha li għamlu dan ix-xogħol tassew sabiħ u li jagħmel din il-kappella grazzjuża, isbaħ milli qatt kienet qabel.
Kif tafu, it-titlu sabiħ tal-Madonna ta’ Loretu huwa titlu għażiż ħafna mhux biss għaliex f’Loreto hemm santwarju importanti ħafna li jfakkarna fid-dar li fih għexet il-familja mqaddsa, imma għaliex ukoll il-Madonna ta’ Loretu hija l-patruna tal-avjazzjoni, tat-titjir bl-ajruplan. Din il-kappella antika nbiet hawnhekk qabel ma kien hawn l-ajruport. Imma qiegħda tħares lejn l-ajruport tagħna, l-ajruport internazzjonali ta’ Malta, tbierek lil tant nies li jiġu f’artna u tant li jerġgħu jitilqu, jew aħna meta nkunu rridu nsiefru.
Jew b’riħ jew b’riefnu minn hawn rridu nsiefru. Hemm is-safar ta’ ftit u hemm is-safar tal-antik, ta’ dak li jgħidu jew b’riħ jew b’riefnu minn hawn irridu nsiefru. Illum il-Madonna nitolbuha li dak il-biljett diġà maqtugħ, one-way, iwassalna fl-għamara imħejjija għalina, il-ġenna. M’hemmx post ieħor imħejji għalik. Tgħidli: ‘Ma nistax immur l-infern, allaħares qatt?’ Imma dak il-post mhux imħejji għalik! Meta Ġesù jitkellem fuq l-infern, taf x’jgħid? L-infern maħluq għal Satana u għall-anġli ħżiena tiegħu. Mhux maħluq għalina. Aħna maħluqin għall-ġenna. Il-Madonna rridu ngħidulha: ‘naf li għandi biljett one-way, wassalni bis-sliema’.
Infatti aħna ngħidulha: “Sliem għalik Marija, itlob għalina midinbin issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna”. Dik is-siegħa tal-aħħar safra, meta jiena se mmur fl-għamara mħejjija għalija mill-Mulej. Kif il-Madonna akkumpanjat l-aħħar mumenti ta’ San Ġużepp u ta’ binha, imbagħad binha ippermetta li hi tgħix ukoll l-esperjenza tal-irxoxt bħalma għamel hu, jiġifieri ġisimha ma rax it-taħsir, ara tagħna jara t-taħsir, imma l-ġisem tal-Madonna ma rax it-taħsir. Ġesù ried li ommu jkollha l-istess destin li kellu hu. Ovvjament hu bil-qawwa tiegħu nnifsu għax l-Iben ta’ Alla, l-omm bir-rieda ta’ Alla, mhux bil-qawwa tagħha nnifisha għax hija kreatura, hija maħluqa bħalna, imħarsa mid-dnub.
Jiena qed nammira x-xogħol, imma nifhem li x-xogħol ma waqax mis-sema, sewa l-flus, sewa l-ħidma, l-instinkar, il-paċenzja, il-ġenerożità tagħkom li qegħdin hawn.
Il-Ħadd li ġej niċċelebraw il-festa tat-Tnissil bla Tebgħa tagħha, imbagħad fl-10 ta’ Diċembru l-Madonna taħt it-titlu ta’ Loretu, fit-12 ta’ Diċembru festa oħra tal-Madonna, il-Madonna ta’ Guadalupe, is-santwarju tagħha huwa santwarju għażiż fil-Messiku. Dawn il-festi tal-Madonna jfakkruna li qegħdin fl-istaġun tassew Marjan. Meta San Pawlu VI kiteb dokument sabiħ fuq il-qima lejn il-Madonna, Marialis Cultis, tkellem fuq l-Avvent bħala l-istaġun Marjan, tal-Madonna. Għaliex? Għax fl-Avvent il-Madonna qiegħda tistenna t-tarbija tikber fil-ġuf u t-twelid tat-tarbija tagħha. It-tnissil ta’ din it-tarbija niċċebrawh fil-25 ta Marzu, disa’ xhur wara fil-25 ta’ Diċembru, niċċelebraw it-twelid ta’ din it-tarbija. Imma dawk l-aħħar erba’ ġimgħat tat-tqala tal-Madonna aħna se nsegwuha mill-qrib.
U San Ġwann tas-Salib, li wkoll il-festa tiegħu fl-14 ta’ Diċembru, għandu poeżija ċkejkna ħelwa ħafna u tgħid hekk:
Jekk inti lill-Madonna li tiltaqa’ magħha,
tilqagħha fid-dar tiegħek, magħha ġġib lil Ġesù.
Kull min hu devot tal-Madonna,
jilqa’ wkoll fil-qalb tiegħu lil binha.
Ma tistax tagħmel mod ieħor. Dak li għamiltu mat-tempju tagħha, għamiltuh ma’ binha għax Ġesu jitgħaxxaq meta jara lil ommu maħbuba, imfaħħra u onorata.
Aħna l-Maltin tant aħna reliġjużi li meta jitlagħlna jew taqbżilna ċ-ċinga, insallu u nniżżlu s-sema kollu: nibdew minn Alla u l-qaddisin kollha, il-Madonna nagħtuha wkoll titli sbieħ. Imma hemm mod kif tpatti. Dan il-ġest konkret, għax jiena qed nammira x-xogħol, imma nifhem li x-xogħol ma waqax mis-sema, sewa l-flus, sewa l-ħidma, l-instinkar, il-paċenzja, il-ġenerożità tagħkom li qegħdin hawn.
Jiena ngħidilkom grazzi f’isem Marija imma nassigurakom li l-ġest tagħkom jogħġob lil binha. Meta tħarsu lejn din il-kappella, tkunu għaddejjin bil-karozza jew ikollkom xi tieġ hawn, ftakru li l-Madonna ta’ Loretu hija l-patruna tas-safar bl-ajru, imma mbagħad hemm l-aħħar vjaġġ one-way. Itolbuha dejjem: O Marija li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa, aqgħlalna l-grazzja li noħorġu minnha mingħajr ħtija.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Is 7:10-14; 8:10
Salm: Lq 1:46-55
Evanġelju: Lq 1:26-38