L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Feġġet it-tjieba ta’ Alla Salvatur tagħna u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin” (Titu 2:11). Din il-frażi tal-Appostlu Missierna San Pawl mill-ittra li kiteb lid-dixxiplu żagħżugħ Titu tiġbor dak kollu li ċċelebrajna f’dawn l-aħħar ġimgħat. “Dehret it-tjieba ta’ Alla Salvatur tagħna u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin.”
Illum qegħdin niċċelebraw il-magħmudija tal-Mulej li permezz tagħha jinawgura l-missjoni tiegħu li damet tliet snin u li mill-Ġordan wasslitu fuq l-Għolja tal-Kalvarju għall-qabar midfun u li minnu rxoxta. Fir-rakkont ta’ din il-ġrajja li jagħtina San Luqa, ġrajja li l-Evanġelji kollha jikkonfermaw b’mod jew ieħor, jispikka ħafna l-Ispirtu s-Santu. Ġwanni stess jipprepara t-triq għal Ġesù. Uħud kienu qed jistaqsu lil Ġwanni jekk kienx il-Messija, “Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: ‘Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar’” (Lq 3:15-16).
Ġesù fl-Evanġelju jsemmi n-nar diversi drabi, iżda mhux in-nar fiżiku li jaħraq. Ħin minnhom jgħid: “Hemm nar u kemm nixtieq li diġa qabad” (Lq 12:49). Dan x’nar hu? Huwa n-nar tal-imħabba tiegħu. Il-magħmudija li kellu jgħaddi minnha l-Mulej mhijiex biss din li ssottometta ruħu għaliha quddiem Ġwanni biex ikun wieħed minna l-midinbin imma hi l-magħmudija tat-tbatija fuq is-salib li permezz tagħha tassew dehret it-tjieba ta’ Alla salvatur tagħna u l-imħabba tiegħu għalina l-bnedmin.
Għaliex Ġesù ħass li kellu jissieħeb mal-kotra biex jirċievi l-magħmudija minn Ġwanni? Dik kienet magħmudija ta’ ndiema, l-indiema għall-midinbin. Mhux hekk kantajna: “Ħallih għalina l-biki għax aħna l-midinbin”? Kultant inkantawha dik l-għanja tal-Milied sal-ġurnata mqaddsa tal-lum li nispiċċaw l-istaġun, imma nifhmu x’qegħdin ngħidu? Qed ngħidu l-verità: “ħallih għalina l-biki għax aħna l-midinbin”.
Min iħares lejn Ġesù jitgħammed jgħid: ‘Inti għandek bżonn titgħammed? Inti l-Ħaruf t’Alla li tneħħi d-dnubiet tad-dinja!’ Imma Ġesù jinsisti li jissieħeb magħna. Fil-kundizzjoni tagħna ta’ bnedmin dgħajfa li kultant niżolqu fin-niexef, kultant nagħmlu xi waħda tinkiteb u hu jkompli jħenn għalina. Jinżel magħna. Il-magħmudja hija li proprju jinżel fl-ilma, jogħdos fl-ilma imma jerġa’ jitla’. “Jgħaddas fl-ilma,” bħalma jgħid il-profeta, “jaqbad dnubietkom kollha u jwaddabhom fil-baħar”.
Għeżież nies ta’ Marsaxlokk, intom tafuh ħafna iżjed minni l-baħar. Permezz tal-profeta tiegħu l-Mulej qed jgħid: “Jaqbad dnubietkom kollha u jitfagħhom fil-baħar”. Illum il-Mulej jogħdos fl-ilma tax-Xmara Ġordan u miegħu jiġbed id-dnubiet kollha tagħna u jidfinhom u jerġa’ jitla’ mill-ilma. Miegħu nitilgħu aħna wkoll imsaffija bil-qawwa tal-ispirtu tiegħu. “Dan l-Ispirtu hu sawwbu bil-kotra fuqna b’Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, biex bis-saħħa tal-grazzja tiegħu nitqaddsu u nsiru werrieta tal-ħajja ta’ dejjem skont it-tama li għandna. (Titu 3:6-7). Il-grazzja tiegħu x’inhi? L-imħabba, il-maħfra u l-ħniena. Bil-grazzja tiegħu, aħna nkunu werrieta li wkoll nisimgħu dik il-vuċi li l-Missier qal fuq Ġesù ta’ Nazaret: “Inti Ibni l-għażiż, fik sibt il-għaxqa tiegħi” (Lq 3:22). Kif se jgħidha din il-kelma fuqi u fuqek il-Mulej? Mhux billi jħares lejn il-ħniena tiegħu?
F’kull quddiesa, il-Knisja titlob lil Alla din it-talba tant għażiża: “La tħarisx lejn dnubietna iżda ħares lejn il-fidi tal-Knisja tiegħek”; il-fidi ta’ kull wieħed u waħda minna, din il-fidi li hija mħabba li tirrispondi għal tant imħabba.
Meta l-predeċessur tiegħi l-Isqof Pietru Pace waqqaf din il-komunità bħala parroċċa fl-1897, jiġifieri 125 sena ilu, kontu tgħoddu 210 persuna. Daqshekk kien hawn nies Marsaxlokk u kien hawn joqgħodu 50 familja. Kemm kbirtu! Qaluli x’aktarx f’Marsaxlokk hawn joqgħodu 4,500 persuna f’2,000 familja. 125 sena ilu kien bidu ċkejken u llum qegħdin hawn tirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dawn is-snin kollha: tant familji li ġew hawn b’uliedhom biex jitgħammdu, tant familji li ġew hawn biex jibdew il-ħajja fiż-żwieġ. Tant ferħ u tant niket. Hawnhekk ukoll ġibtu l-għeżież tagħkom biex tagħtuhom l-aħħar tislima. Għaliex il-Knisja hija familja ta’ midinbin, bla dubju, imma hi wkoll familja ta’ nies li jgħumu fil-ħniena ta’ Alla. Aħna bħal ħuta fl-ilma, ngħumu fil-ħniena ta’ Alla. Dik hija li tferraħna u li tagħtina wkoll il-qawwa li nkomplu.
Għeżież Xlukkajri, jalla intom u tiċċelebraw dan l-anniversarju sabiħ, seklu u kwart ieħor miegħu, tkomplu tikbru mhux biss fin-numru imma wkoll fl-għożża għal xulxin. Il-poplu tagħna, anke dawk li qegħdin isegwuna permezz tal-mezzi soċjali — li għandhom użu tajjeb meta nagħrfu nużawhom tajjeb — illum jifirħu magħkom għax aħna familja waħda li nissapportjaw lil xulxin. Irridu nkunu wkoll familja fejn kulħadd iħossu milqugħ u maħbub. Lill-Mulej nitolbu li nkunu tassew familja fejn kulħadd, hu min hu, iħossu at home.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 40:1-5.9-11
Salm: 103 (104):1b-2.3-4.24-25.27-28.29-30
Qari II: Titu 2:11-14; 3, 4-7
L-Evanġelju: Lq 3:15-16. 21-22