L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Bil-Malti hemm espressjoni li tgħid: “patta parapatta”. Tintuża l-aktar meta xi ħadd ipatti b’azzjoni ħażina għal azzjoni ħażina li jkun irċieva, qisha l-espressjoni li kien semma Ġesù “għajn b’għajn u sinna b’sinna” (Mt 5:38). Nafu kemm issir ħsara meta jiġri hekk, u speċjalment nafu x’ħerba ssir meta jkun hemm gwerra li tibda patta parapatta, u tispiċċa ħafna agħar. Bħalissa qegħdin naraw kemm vittmi innoċenti jispiċċaw maqtula f’Gaża, u ftit qabel kemm vittmi innoċenti spiċċaw maqtula f’Israel. Kif qal il-Papa, il-gwerra hija falliment, u aħna qegħdin mal-vittmi, nuru solidarjetà mal-vittmi tal-atroċitajiet, ma’ dawk li diġà għaddew jew għaddejjin minn tbatija kbira minħabba l-vjolenza, il-mibegħda, id-disprezz lejn il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem. Fihom irridu niftakru, u għalihom irridu nitolbu.
Fl-Evanġelju llum Ġesù ma jsemmix azzjoni ħażina li ssir bi tpattija ta’ azzjoni ħażina, imma l-kontra: pjaċir li jitpatta bi pjaċir. U jieħu l-okkażjoni li hu kien mistieden għal pranzu għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej – nafu li Ġesù kien imur għand kulħadd – u lil dan jgħidlu biex meta jistieden, ma jistedinx lil dawk ta’ ġewwa li jistgħu jpattulu pjaċir bi pjaċir, imma lil nies li minħabba l-kundizzjoni tagħhom qatt ma jistgħu jroddulu lura l-pjaċir li qed jagħmlilhom.
Nifhmu ċar f’din is-silta li Ġesù mhux qed jitkellem sempliċiment fuq lil min tistieden għall-ikel, imma li qed jgħid hija xi ħaġa aktar fil-fond fil-ħajja: kif aħna nħarsu lejn l-oħrajn, kif nibnu r-relazzjonijiet mal-oħrajn u l-mod kif nittrattawhom. Ġesù mhux qed jgħid li lil dawk qrib tagħna – tal-familja, qraba, ħbiebna – ma għandniex nistmawhom. Anzi, hu jrid li nuru rispett u mħabba lejhom.
Imma li jrid Ġesù hu li ma nidħlux fil-mentalità – għax jien għamiltlek pjaċir, issa nistenna pjaċir mingħandek; mentalità li tkejjel – għax jien tajtek xi ħaġa, nistenna xi ħaġa mingħandek. Tgħiduli: mhux naturali din li tistenna xi ħaġa lura? Iva, il-ħsieb jiġi naturali, u l-gratitudni sabiħa; imma Ġesù jridna ma nidħlux f’din il-mentalità ta’ “pjaċir bi pjaċir” (Lq 14:14).
Issa, niftiehmu, hawn Ġesù mhux qed jitkellem fuq pjaċiri ħżiena, qed jitkellem fuq pjaċiri tajbin. Mhux qed jitkellem fuq min jagħmillek pjaċir b’qerq, bi frodi, b’korruzzjoni. Azzjoni bħal dik hija ħażina fiha nnifisha, anke jekk minn barra tidher li qed taġevola lil xi nies u tagħmilhom kuntenti. Imma Ġesù qed isemmi li mmorru lil hinn mill-mentalità ta’ pjaċiri tajbin.
Hu għalhekk li jsemmi nies li minħabba l-kundizzjoni tagħhom ma jistgħux ipattulek pjaċir bi pjaċir. Qed jgħid: aħseb fil-fqar, f’dawk li huma fil-bżonn, f’tant persuni li ma għandhomx min jieħu ħsiebhom. Agħtihom mhux bil-ħsieb li se taqla’ xi ħaġa lura mingħandhom. Hekk l-imħabba tkun imħabba li tixbah lil dik ta’ Alla, li ħabbna qabel ħabbejnieh aħna, u li din l-imħabba wrihielna speċjalment f’Ġesù fil-ħajja kollha tiegħu, sal-aħħar. Meta ngħixu b’din il-qalb ġeneruża, nindunaw kemm tagħmilna tassew ferħana, u nsibu l-ferħ f’li nagħmlu l-ġid lil dawk li huma fil-bżonn. Hemm insibu tassew il-ferħ fil-ħajja tagħna.
Nitolbu lill-Mulej illum: agħtina qalb ġeneruża, qalb li tixbah lil tiegħek. Tħalliniex infittxu lilna nfusna, u għinna nintebhu kemm ngħixu aktar ħielsa u ferħana meta nkunu nixbhu lilek fil-ġenerożità tiegħek.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju