-
-
Il-Ħadd 6 ta’ Novembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa mar-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Raħal Ġdid, fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Ħniena.
Homily by Archbishop Charles J. Scicluna
-
-
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Raħal Ġdid
6 ta’ Novembru 2016“Alla mhuwiex tal-mejtin iżda tal-ħajjin, għaliex għalih kulħadd jgħix” (Lq 21, 38). Il-kelma ta’ Ġesù li għadna kemm smajna llum mill-Evanġelju skont San Luqa, tagħti sinifikat, tat-tifsira profonda tal-Ġublew li l-Papa xtaq li jiġi ċċelebrat illum fid-dinja kollha, il-Ġublew għal dawk li qegħdin f’xi Faċilità Korrettiva.
Inzerta’ li llum hija wkoll it-tifkira liturġika ta’ qaddis li kien dejjem patrun ta’ min huwa kkalzrat, jew skjav: San Leonadu ta’ Noblat. Jiena nixtieq nawgura wkoll l-festa t-tajba lil Fr Leonard li llum għandu l-festa tal-patrun tiegħu. F’Malta għandna diversi kappelli ddedikati lil San Leonardu u għandna wkoll il-parroċċa ta’ Ħal-Kirkop iddedikata lilu, għaliex il-pajjiż tagħna għadda minn esperjenzi qawwija ta’ nies li spiċċaw fl-iskjavitù, u allura l-familji ta’ min inġarr mill-furbani bħala skjav, kienu jitolbu ħafna l-interċessjoni ta’ San Leonardu għall-ħelsien ta’ dawn il-familjari tagħhom.
“Alla mhuwiex alla tal-mejtin”. Aħna nistgħu nkunu mejtin-ħajjin jekk il-qalb tagħna tant tixrief, jekk il-qalb tagħna tingħalaq għall-ħniena tiegħu. L-istedina li qiegħed jagħmel il-Papa b’dan il-Ġublew, mhux biss lir-residenti tal-Faċilitajiet imma lill-Knisja kollha, lill-Insara kollha, hija li ma nkunux mejtin-ħajjin, imma li nħallu lill-Mulej jinfed ir-ruħ tagħna u jżurna bl-imħabba u l-ħniena tiegħu.
Għaliex għandna bżonn l-ħniena tal-Mulej? Għalkemm għandna tentazzjoni kbira li nkunu bħal dawn is-Sadduċej, li ma jemmnux fil-ħajja ta’ dejjem, hemm istint fina, hemm qawwa spiritwali ġo fina li tgħidilna li mhux veru li l-ħajja tintemm mal-mewt. Ma jistax ikun għax inkella xejn ma jagħmel sens. Il-Mulej jagħmilha ċara ħafna meta jitkellem ma’ dawn in-nies, li kienu jgħixu elfejn sena ilu u jeħodha b’mod iebes magħhom meta huma jaħsbu li mal-mewt jispiċċa kollox.
L-istedina tiegħi lilkom, ħuti, u lil min qiegħed jismagħna permezz tal-RTK, huwa li aħna f’dan il-Ħadd tal-Ħniena niskopru s-sinifikat profond tal-ħajja li qegħdin ngħixu fid-dawl anke tal-ħajja ta’ dejjem. Il-Mulej isejjaħ lilna lkoll “ulied Alla imsejħin biex inqumu mill-imwiet” (v. 36). Ilkoll se ngħaddu minn dak il-passaġġ terribbli tal-mewt; ma nafux meta, nafu wkoll li ħadd minna mhu mgħaġġel biex jagħmel il-passaġġ tal-mewt. Xi darba jrid jasal fuqna wkoll, nitolbu li nkunu, u li l-Mulej isibna wliedu ħerqana li hu jħenn għalina. Il-Mulej ma jwarrab lil ħadd li jdur għall-ħniena tiegħu.
Kif kantajna fis-Salm: “għad-dell ta’ ġwenħajk kennini” (S 16, 8). Jien fil-ħaqq f’dak il-mument tremend tal-verità sħiħa “għad nara lil wiċċek, meta nqum nithenna bid-dehra tiegħek” (v. 15). Dak il-mument tal-ħaqq mhuwiex bħall-ħaqq ta’ din id-dinja; intom ilkoll affaċċajtu mħallef ta’ din id-dinja, imma hemm Imħallef li jara u jiżen il-qalb u r-ruħ, li jafek minn ġewwa, li jgħarblek u jħobbok, u inti fil-ħaqq tiegħu għad tara wiċċu. Il-wiċċ tal-Mulej x’inhu? Huwa l-wiċċ tal-ħniena, huwa l-wiċċ tal-mogħdrija, huwa il-wiċċ tal-imħabba u tal-verità. Nistgħu nkunu lkoll kemm aħna għandha xi verità f’ħajjitna li nibżgħu ħafna minnha. Mal-Mulej m’għandekx għalfejn tibża’ għax il-verità li inti trid li tinħeba, hu jafha diġa. Ix-xewqa f’qalbek għat-tajjeb, minkejja l-fama li għandek, il-Mulej jafha u japprezzaha, ix-xewqa li għandek għall-ħniena vera, hu jberikha, isaffieha u anke jissodisfaha.
“Insejjaħlek, o Alla, għax int tweġibni, ressaq widintek lejja, isma’ kliemi” (v. 6) . Illum b’umiltà kbira nsejħu lill-Mulej, nitolbuh ħniena li aħna wkoll ngħaddu mill-Bieb tal-Ħniena li hija l-qalb tiegħu, li niffidnihielu bil-lanza u minnha nfetaħ Bieb li ma jingħalaq qatt. Meta l-Mulej irxuxtat deher f’Ħadd il-Għid lid-dixxipli tiegħu dehrilhom sabiħ imma dehrilhom ukoll bil-pjagi li aħna konna niffidnih bihom, dawk jibqgħu miegħu, huma kollha bibien tal-ħniena miftuħin fuqna biex iberkuna u jaħfrulna.
“Jalla l-Mulej iwassal lil qlubkom għall-imħabba ta’ Alla u s-sabar ta’ Kristu” (2 Tess 3, 5). Din hija t-talba, l-eżortazzjoni, l-awgurju li San Pawl Missierna jikteb lin-nies tal-belt ta’ Tessaloniki fil-Greċja. Kitibhom ukoll mijiet ta’ snin ilu, imma huma attwali, huma l-messaġġ li l-Mulej qed jagħti lil kull wieħed u kull waħda minna llum; “jalla l-Mulej iwassal lil qlubkom għall-imħabba ta’ Alla”. Kemm tkun ħaġa sabiħa li l-qalb tagħna tgħum fl-imħabba ta’ Alla, li tiskopri lil Alla bħala Alla tal-ħniena, Alla tal-maħfra, Alla tal-verità u tal-ġustizzja, imma Alla wkoll tal-mogħdrija u tas-sabar ta’ Kristu. Il-Mulej qed jgħaddikom minn prova kbira li titlob ħafna sabar. Jalla din l-esperjenza tkun ukoll esperjenza ta’ tisfija, esperjenza li fiha tiltaqgħu miegħu, il-faraġ tal-qalb tiegħu, li kif tgħid ukoll il-pittura li għandna warajna: “ejjew għandi intom ilkoll li intom imħabbtin u mtaqqlin u jiena inserraħkom, għax il-qalb tiegħi hija ħelwa u umli”. Mhuwiex Alla tal-mejtin, għax aħna mifdijin, iżda tal-ħajjin għax inħafrulna dnubietna, għax għall-Mulej kulħadd jgħix.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
Photos: A. Bonnici Photography