L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Huma diversi l-mumenti meta fit-talb tal-Knisja nsibu lil Ġwanni, it-tifel ta’ Żakkarija u ta’ Eliżabetta bħala l-protagonist jew wieħed mill-protagonisti. Illum qed niċċelebraw it-twelid tiegħu imma l-ewwel darba li niltaqgħu miegħu, għadu tarbija fil-ġuf, fil-festa tal-Viżitazzjoni, meta Marija maret iżżur il-qariba tagħha Eliżabetta. It-tarbija li kellha Eliżabetta fil-ġuf, li llum niċċelebraw it-twelid tagħha, qabżet bil-ferħ malli semgħet il-vuċi ta’ Marija ssellem lil Eliżabetta, xi ħaġa li Eliżabetta stess tgħid: “Malli smajt it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ” (Lq 1:44). Hi laqgħa ta’ żewġt itfal ġol-ġuf ta’ ommijiethom: l-Iben t’Alla magħmul bniedem fil-ġuf ta’ Marija, u Ġwanni fil-ġuf ta’ ommu Eliżabetta li jiltaqgħu u jagħrfu lil xulxin.

Sirna nafu b’din it-tarbija li se titwieled fil-festa tat-tħabbira tal-anġlu lil Marija għax dak il-misteru kbir tat-tnissil ta’ Ġesù fil-ġuf ta’ Marija, li niċċelebraw fil-25 ta’ Marzu, l-anġlu jagħtiha sinjal: “U ara l-qariba tiegħek Eliżabetta diġà qiegħda fis-sitt xahar tat-tqala dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal għax għal Alla m’hemm xejn li ma jistax ikun” (Lq 1:36).

Ġwanni, tarbija fil-ġuf fis-sitt xahar tat-tqala, diġà jissemma fit-tnissil ta’ Ġesù bħala s-sinjal tal-qawwa ta’ Alla. Imma l-isem li għażel il-Mulej għal din it-tarbija mhuwiex il-qawwa ta’ Alla; dak hu l-anġlu Gabrijel. Gabrijel hekk tfisser: ‘il-qawwa ta’ Alla’. Il-ġenituri ta’ Ġwanni għandhom ismijiet sbieħ. Żakkarija jfisser ‘Alla jiftakar’. Aħna għandna l-kelma ‘żokra’ li hi t-tifkir tal-mamà tagħna – eżakar – Alla jiftakar. Eliżabeta għandha isem qawwi ħafna: ‘Alla tal-eżerċti’. Imma l-ebda isem ta’ qawwa ma jingħata lil din it-tarbija. L-isem li tingħata hu ‘Alla ħanin’ – Yohanan, Ġwanni – għax hi l-ħniena ta’ Alla li se tattira l-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna biex niftħu ħajjitna biex jidħol id-dawl tal-grazzja ta’ Alla. U b’hekk inħejju t-triq għall-Mulej.

Il-Mulej jiġi bil-qawwa imma jiġi bil-qawwa tal-ħniena tiegħu. Hi qawwa llum ngħidulha ‘soft’. Dak hu l-istil ta’ Alla. Il-Papa Franġisku jiddeklinah, ifissru fi tliet kelmiet: viċinanza, kompassjoni, tenerezza. L-istil ta’ Alla! Ġwanni hu l-leħen jgħajjat fid-deżert. Nerġgħu niltaqgħu miegħu f’festa importanti ħafna fil-festa tal-magħmudija tal-Mulej. Meta Ġwanni jinawgura l-missjoni pubblika ta’ Ġesù, Ġesù jiddeċiedi jipparteċipa mal-folol fil-magħmudija ta’ ndiema li qed joffri Ġwanni u dak il-ħin waqt li qed jitgħammed minn Ġwanni, fuq Ġesù jinstema’ leħen il-Missier u l-Ispirtu s-Santu jidher forma ta’ ħamiema (Mt 3:16-17). Hi l-istatwa sabiħa, titular ta’ dan il-konkatidral li tesprimi dan il-mument importanti li hu l-misteru tat-tiġdid tagħna, tal-magħmudija tagħna kif jgħallem il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.

Hi l-ħniena ta’ Alla li se tattira l-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna biex niftħu ħajjitna biex jidħol id-dawl tal-grazzja ta’ Alla. U b’hekk inħejju t-triq għall-Mulej

Imma mbagħad niċċelebraw ukoll, fid-29 ta’ Awwissu, il-martirju ta’ Ġwanni l-Battista, festa oħra li fiha hu protagonist. F’dan il-konkatidral għandna kapolavur straordinarju tal-Caravaggio, li jesprimi propju l-martirju ta’ Ġwanni l-Battista: il-qtugħ ir-ras b’ordni ta’ Erodi, imxewwex minn Erodijade u permezz tat-tifla tagħha Salomè. Ġwanni l-Battista, kif tgħid anke t-talba tal-Knisja llum, mhux biss jixhed għall-ħniena ta’ Alla u l-verità tiegħu bil-magħmudija tal-ilma imma wkoll bit-tixrid tad-demm tiegħu. Mhux ta’ b’xejn Ġesù jsejjaħlu l-aqwa li twieled min-nisa. Imma mbagħad jgħid: “L-iżgħar membru tas-saltna għandu grazzji kbar”.

X’inhu l-ferħ tal-Battista? Meta taqra l-Evanġelju tat-twelid ta’ Ġwanni, tirrealizza kemm-il darba nisimgħu l-kelma ‘ferħ’. “Il-ġirien u qraba ta’ Eliżabetta semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha u marru jifirħu magħha” (Lq 1:58). Kemm hi ħaġa sabiħa li din napplikawha għall-Knisja wkoll: li nifirħu mal-Knisja għax wera ħniena magħha permezz tagħna u nifirħu magħha! Imma l-ferħ tal-Battista, mhux li jkun l-għarus – Ġesù hu l-għarus tal-Knisja – imma li jkun il-ħabib tal-għarus. Jien m’iniex Kristu, jiena l-ħabib ta’ Kristu, il-ħabib tal-għarus u l-ferħ tal-għarus hu li jisma’ leħen il-għarus u jippreżentah lill-għarusa tiegħu. Hi wkoll lezzjoni kbira fl-umiltà li ma ċċekkinx lil Ġwanni l-Battista imma turih fil-kobor veru tiegħu.

Il-Papa Franġisku stedinna biex nifhmu li l-ferħ tagħna hu li nxandru l-Evanġelju. Il-ferħ tal-Knisja hi li tevanġelizza. Illum ningħaqdu ma’ Ġwanni l-Battista fil-festa li qed nagħmlulu f’din il-knisja ddedikata lilu. Nitolbuh biex ikollna dan il-ferħ aħna u nxandru l-Bxara t-Tajba u nkunu wkoll lesti, bħalma għamel hu, inħallsu l-prezz tal-verità li nxandru f’isem Alla.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Slat 19:16b,19-21
Salm: 15 (16):1-2a u 5,7-8,9-10,11
Qari II: Gal 5:1,13-18
L-Evanġelju: Lq 9:51-62