L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Dan ir-rakkont sabiħ tal-fejqan tal-għama fl-Evanġelju skont San Mark hu rakkont li mhux biss jgħidilna fuq il-miraklu li jagħmel Ġesù imma jgħidilna ħafna wkoll fuq il-ħajja tagħna. Nixtieq li aħna u nirriflettu fuq din il-ġrajja, naraw x’nitgħallmu mill-għama, mill-folla, u minn Ġesù.
L-għama
Ħa nħarsu lejn l-għama. Dan kien bniedem imwarrab. L-Evanġelju jenfasizza li kien “bilqiegħda mal-ġenb tat-triq”, jittallab. Kien bniedem li kellu bżonn l-għajnuna. Imma fl-istess waqt ma kienx bniedem li rrassenja ruħu, qisu qata’ qalbu li jagħmel x’jagħmel hu għalxejn. Ma kienx bniedem li jirraġuna: ”X’tista’ tagħmel? Din xortija! X’xorti ħażina!” Imma kien bniedem determinat li jara x’jista’ jagħmel ħalli jkun jista’ jfiq. Kien bniedem li ma jħallix min itellfu f’dan.
Kien bniedem ta’ fidi. Kien sema’ b’Ġesù, sema’ fuqu. Imma kellu fiduċja fih. Emmen li Ġesù seta jagħtih mill-ġdid id-dawl. Innutaw b’liema ħeġġa. L-Evanġelju jgħid: “Tajjar il-mantar”, “Qabeż fuq riġlejh” biex imur ħdejn Ġesù. Kien bniedem ukoll persistenti fit-talb, u t-talba tiegħu ħierġa mill-qalb kienet: “Ġesù… ikollok ħniena minni”.
Dan il-bniedem jgħallimna ħafna f’ħajjitna. Jurina kif qatt ma għandna naqtgħu qalbna, jew narmu lilna nfusna, jew nibżgħu mill-ostakli biex nagħżlu dak li hu tajjeb. Imma għandna naħdmu b’determinazzjoni u bil-fidi f’Alla. Jgħallimna li t-talb tagħna jrid ikun bil-perseveranza.
Il-folla
Issa nħarsu lejn il-folla. L-Evanġelju jgħid li kien hemm “kotra kbira ta’ nies” li kienet għaddejja fit-triq ma’ Ġesù. Din il-folla, kienet ta’ għajnuna għal dak l-għama li kien fil-ġenb, jew ta’ tfixkil? Ma kinitx ta’ għajnuna. Mhux biss ma tweġibx għat-talba tiegħu u tara kif tista’ tgħinu, imma ssikket lill-għama. L-Evanġelju jgħid li ħafna “bdew jgħajtu miegħu biex jiskot”.
X’qed jaħsbu l-parti l-kbira tan-nies, mhux kriterju ta’ x’għandi nagħmel. Ikun żball jekk inserraħ moħħi għax kulħadd jaħseb hekk. Jekk nimxi mal-folla, faċli nirrepeti l-iżbalji tagħha.
Il-folla hi ostaklu biex l-għama jiltaqa’ ma’ Ġesù. Tħallih imwarrab fejn qiegħed. Li kien għaliha, jibqa’ hemm, fil-ġenb tat-triq.
X’tgħallimna l-folla? Li l-folla waħedha qatt mhi kriterju ta’ x’inhu tajjeb jew ħażin. Kultant nirraġunaw: dan tajjeb għax kulħadd qed jagħmlu. Imma mhux bilfors hekk. Kieku f’din il-ġrajja tal-Evanġelju għamlu – kif iħobbu jagħmlu kultant fi żmienna – vox pop dak il-ħin, u staqsew lin-nies li kienu fil-folla “Għandu jfejqu lil dan l-għama?”, il-parti l-kbira tan-nies kienu jwieġbu “Le”. Kienu jaqblu li l-għama jibqa’ mwarrab fil-ġenb kif kien. Għalhekk, it-tagħlima għalina hi li l-folla tan-nies tista’ tkun ostaklu; x’qed taħseb il-folla, x’qed jaħsbu l-parti l-kbira tan-nies, mhux kriterju ta’ x’għandi nagħmel. Ikun żball jekk inserraħ moħħi għax kulħadd jaħseb hekk. Jekk nimxi mal-folla, faċli nirrepeti l-iżbalji tagħha.
Ġesù
Issa nitfgħu ħarsitna fuq Ġesù. Lil Ġesù narawh, bħalma dejjem jolqotna fil-ħajja tiegħu man-nies: Ġesù ta’ qalb kbira, li juri li Alla hu Alla li jħobb. Ġesù ma jitteħidx mill-folla ta’ nies madwaru, imma jara lil dan il-bniedem fil-ġenb, jagħti kas tal-karba tal-għama, ma jibqax għaddej. U lin-nies jgħinhom biex jintebħu fil-bżonn ta’ dan il-bniedem fil-ġenb, għalhekk jgħidilhom “sejħulu”. Jurihom li mhux isikktuh għandhom, imma jisimgħu l-għajta tiegħu u jsejħulu ħalli jiltaqa’ ma’ Ġesù.
Dan hu Ġesù. Jieqaf mill-mixi, jgħajjatlu, jagħtih l-attenzjoni personali sħiħa. Għal Ġesù kull bniedem hu importanti, u speċjalment min hu mwarrab u emarġinat. Għalhekk jagħtih l-għajnuna sħiħa tiegħu.
U nnutaw b’liema stima kbira u sensittività Ġesù jitkellem mal-għama. L-ewwel ma jagħmel hu li jistaqsih “xi tridni nagħmillek?”, ħa jisma’ lilu, biex ikun l-għama li jitkellem u jurih dak li għandu bżonn; imbagħad Ġesù jfejqu. U nnutaw l-aħħar vers tal-Evanġelju. Ġesù mhux biss jagħti d-dawl lill-għama, imma jagħtih ukoll dawl ieħor biex jimxi warajh. Mhux biss jibda jara, imma jkollu d-dawl biex jagħraf id-direzzjoni t-tajba fil-ħajja. Fil-fatt, l-Evanġelju jgħid li kif reġa’ beda jara, “baqa’ miexi warajh fit-triq”. Nitolbu lill-Mulej, ispirati mill-kelma sabiħa tiegħu, biex nitgħallmu mill-għama li jkollna d-determinazzjoni, il-fidi u t-talb persistenti; nitgħallmu mill-folla, biex ma nħallux lill-oħrajn ikunu ostaklu għalina biex niltaqgħu ma’ Ġesù u ma nħallux dak li jaħsbu n-nies ifixkilna milli nagħmlu dak li hu tajjeb; u nitgħallmu minn Ġesù, ta’ qalb ħelwa u umli, li dejjem iġib fina l-fejqan, speċjalment fil-qalb tagħna, biex jagħtina d-dawl ħalli nimxu fit-triq it-tajba, nimxu warajh.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju