-
-
****
Direttur: Nany Meyers
Atturi: Robert De Niro, Anne Hathaway, Rene Russo, Adam DeVine, Anders Holm, Andrew Rannells, Jack Pearlman u Jason Orley
Ħin tal-Film: 121 min
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
Jules Ostin hi l-fundatriċi u CEO ta’ kumpanija bl-isem ta’ ABOUT THE FIT, kumpanija e-kumerċjali ta’ ħwejjeġ tal-moda. Jules flimkien ma’ sħaba jiddeċiedu li jħaddmu magħom xi ftit anzjani li x-xogħol tagħhom ikun bħala interns. Wieħed minn dawk li applikaw kien Ben Whitaker, armel li jiġi assenjat jaħdem direttament ma’ Jules. Meta jum wieħed Ben jinnota li x-xufier tal-karozza li kien jieħu ħsieb Jules, kien fis-sakra, jirnexxielu jipperswadih li jkun aħjar għalih li ma jieħux inkarigu li ssuq f’dik il-kundizzjoni. Ben jieħu nkarigu li ssuq hu, wara kollox hu kien mogħti l-inkarigu li jkun l-assistent ta’ Jules. Sadanittant Ben jibda relazzjoni romantika ma’ Fiona, massjatur li kienet taħdem mal-kumpanija ta’ Jules. Meta darba Jules,fir-rabja, tibgħat e-mail lill-ommha li ma kien xejn komplumentuz, Ben u sħabu raw kif jagħmlu biex jidħlu fid-dar ta’ ommha biex iħassru l-e-mail. Kienet avventura li tassew setgħet ġabithom f’ħafna nkwiet iżda fortunatament kollox mar sew. Sadanittant Jules bdiet tikkonsidra li tqabbad lil xi ħadd minn barra bħala CEO issa li l-kumpanija kienet tassew suċċess kbir u tħaddem ’l fuq minn mitejn u għoxrin ruħ. Jules bdiet tħoss li kienet wisq taħt pressjoni barra wkoll li kellha tifla, Paige, u r-raġel, Matt biex tieħu ħsieb. Jules bdiet tħoss li mhux dejjem kienet qegħda ssib ħin biżżejjed għalihom. Sadanittant ir-raġel tagħha kien qiegħed ikollu relazzjoni ma’ waħda mill-ġenituri ta’ tfal ta’ l-iskola fejn kienet tmur Paige. Jules dan kienet tafu u għalhekk xtaqet ħafna li timpjega CEO minn barra. Tgħid taħdem din l-istrateġija? Kienet wara kollox sejra tgħin? X’kien jaħseb fuqha Ben din l-idea?
Film Amerikan, kummiedja ħelwa taħt id-direzzjoni ta’ Nancy Meyers, niltaqgħu ma’ Ben Whitaker li għalkemm anzjan jerġa’ jidħol fid-dinja tax-xogħol din id-darba bħala intern ma’ kumpanija e-kumeċjali tal-ħwejjeg tal-moda. Fiż-żmien qasir, Ben jibda jkun element pożittiv ħafna fil-kumpanija u jkun ta’ għajnuna mhux żgħira għall-fundatriċi tal-kumpanija u CEO , Jules Ostin. Minħabba xi ċajt u kliem goff kif ukoll xi mgieba mhux tant korretta, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.