• ****

    Direttur: Lasse Hallstrom
    Atturi: Helen Mirren, Om Puri, Manish Dayal, Charlotte Le Bon
    Ħin: 122 minuti 

    Klassifika taċ-Ċensura: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 12A

    Il-familja Indjana Kadam ikollhom restaurant fl-Indja. Meta jinqala l-inkwiet politiku fl-Indja, ir-restaurant tagħhom jispiċċa jingħata n-nar u jinħaraq. Għalhekk il-familja Kadam, magħmula mill-missier u t-tlett uliedu, Mukthar, Mahira, u Hassan, jitilqu lejn l-Ewropa u jmorru joqgħodu f’belt żgħira fin-nofsinhar ta’ Franza. Il-missier jagħmel f’rasu li jiftaħ restaurant indjan; l-post li jagħżel ikun bini abbandonat fit-tarf tal-belt. Uliedu jgħidulu li dak il-post qiegħed eżatt faċċata ta’ restaurant Franċiż magħruf, Le Saule Pleureur, ta’ Madame Mallory li xejn ma tieħu gost bil-kompetizzjoni. Il-missier ma jkunx irid jaf u xorta waħda jiftaħ ir-restaurant tiegħu hemmhekk. Madame Mallory ikollha kliem ta’ tmaqdir għar-restaurant ta’ Kadam u tipprova tfixkilhom b’kull mezz. Sadanittant, Hassan, il-kok tar-restaurant indjan, isir iħobb lil Marguerite, waħda miċ-chefs ta’ Madame Mallory, li tagħtih kotba ta’ riċetti franċiżi biex ikompli jkabbar il-ħila tiegħu bħala kok. Il-Kadams u Madame Mallory jkomplu jissieltu bejniethom, filwaqt li l-imħabba bejn Hassan u Marguerite tkompli tikber, sakemm is-sitwazzjoni tikber iżżejjed. Film drammatiku, ibbażat fuq il-ktieb ta’ Richard C. Morais. Huwa film ħelu, eleganti u mhux vjolenti dwar il-qawwa ta’ l-ikel u l-familja, magħmul b’ħila kbira minn Lasse Hallstrom. Fih xenarju sabieħ u reċtar mill-aqwa minn Helen Mirren u Om Puri, żewġ atturi veterani. Il-film fih xi ftit vjolenza tal-massa u xena ftit skabruża. Tfal taħt it-12 il-sena għandhom ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.