• ***

    Direttur: R.J. Cutler
    Atturi: Chloe Grace Moretz, Jamie Blackley, Mirelle Enos, Joshua Leonard
    Ħin: 107 minuti

    Klassifika taċ-Ċensura: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 15 Mia

    Hall hija studenta f’ Junior College f’ Portland, Oregon. Il-familja tagħha, missierha Denny, ommha Kat, u ħuha ż-żgħir Teddy, huma familja magħquda ħafna u jħobbu lil xulxin. Mia ddoqq il-vjolinċel u qedha tittama li jirnexxilha tibda tattendi l-iskola tal-mużika prestiġjuża ta’ Julliard fin-naħa l-oħra ta’ l-Amerika. Hija tħobb lil Adam, li jdoqq il-kitarra u jkanta ma rock-and-roll band, iżda tinsab inkwetata għax il-possibilta’ li titlaq lejn l-Julliard qed iġġib inkwiet mal-boyfriend tagħha. Ġurnata waħda bis-silġ Mia u l-familja tagħha jmorru ħarġa bil-karozza li, iżda, tintemm fi traġedja għax ikollhom aċċident: il-ġenituri tagħha jisfaw mejtin, ħuha jispiċċa korrut ġravi, filwaqt li Mia tispiċċa f’koma. Fi triqtha lejn l-isptar fl-ambulanza Mia tkun akkumpanjatha bl-ispirtu tagħha li jibqa’ ħdejha anke fl-isptar. L-ispirtu tagħha josserva kollox u jibda jiftakar l-imgħoddi. B’hekk naraw ir-relazzjoni bejn Mia u Adam u l-ħajja passata tagħha, filwaqt li hi qedha tilgħaba mall-mewt. Film drammatiku, ibbażat fuq ir-rumanz ta’ Gayle Foreman. Il-biċċa l-kbira tal-film jiffoka fuq ir-relazzjoni bejn Mia u Adam. Huwa ftit sorprendenti li f’film ta’ din ix-xorta, fejn għandek persuna fuq l-għatba ta’ l-eternita’, ir-reliġjon hi mħolliha barra għal kollox ħlief billi kultant jidher raġġ dawl abjad. Għalkemm l-atturi kollha jaħdmu l-parti tagħhom tajjeb, dik li tisraq ix-xena u li żżomm l-interess ta’ l-udjenza hija Chloe Grace Moretz. Il-film fih kontenut sesswali u xi kliem ħażin. Jgħodd għal dawk ‘l fuq minn 15 il-sena.