L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Qegħdin fl-aħħar jiem tal-istaġun tal-Milied, li aħna nsejħulhom il-jiem tal-Epifanija. Il-Ħadd li għadda, il-Knisja f’Malta — flimkien ma’ knejjes oħra li ma jiċċelebrawx il-festa ta-Tre Re fis-6 ta’ Jannar — iċċelebrat proprju l-festa tal-Epifanija, jiġifieri meta l-Mulej juri lilu nnifsu lil ġnus, lit-tliet slaten magi. Fl-istess ħin niċċelebraw ukoll il-misteru ta’ Alla li jsir bniedem u juri lilu nnifsu f’Ġesù ta’ Nazaret. F’ Ġesù ta’ Nazaret aħna nilmħu min hu Alla għalina.
Illum, il-Knisja tagħżel din is-silta sabiħa mill-Evanġelju ta’ San Luqa biex tkompli turina kif il-Mulej juri l-qalb ta’ Ala. Fil-belt fejn trabba, ġo Nazaret, hu jidħol fis-sinagoga nhar ta’ Sibt u mill-profezija ta’ Iżaija jaqra l-profezija li titkellem dwar l-ispirtu tal-Mulej li jikkonsagra l-qaddej tiegħu u jibgħatu bħala persuna li se ġġib il-ħelsien lill-imjassrin, il-bxara t-tajba lill-fqajrin, id-dawl mill-ġdid lill-għomja,u l-ħelsien lill-maħqurin. (ara Lq 4:18). Fuq kollox, dan il-qaddej ta’ Alla, Ġesù nnifsu, huwa mibgħut biex ixandar żmien ta’ grazzja, żmien ta’ ħniena tal-Mulej.
Li tqerr mhuwiex tortura imma esperjenza li tiltaqa’ ma’ Ġesù li jħenn għalik u jagħdrek.
Tolqotni l-aħħar sentenza li smajna mill-Evanġelju tal-lum: li kulmin semgħu stagħġeb għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu. Aħna nistgħu ngħidu li l-esperjenza li jkollna fis-sagrament tal-qrar, trid tkun esperjenza fejn inħossu li l-ispirtu ta’ Ġesù qiegħed jeħlisna mill-jasar, qiegħed jagħtina bxara tajba fil-faqar u fid-dgħufija tagħna. Jekk aħna għomja u ma nistgħux naraw ir-realtà li jara l-Mulej, qed jagħtina d-dawl biex inkunu nistgħu nissuperaw l-għama tagħna u lilna li nkunu maħqurin bid-dnub qed jagħtina wkoll il-ħelsien. Wara kollox, qed ikellimna bi ħlewwa kbira, u qed ixandar għalina żmien ta’ grazzja u ta’ maħfra.
Ejjew nitolbu biex anke fuq l-eżempju ta’ San Raymond ta’ Penjafort, is-sagrament tal-qrar ma jkunx il-kamra fejn niġi ttorturat. Li tqerr mhuwiex tortura imma esperjenza li tiltaqa’ ma’ Ġesù li jħenn għalik u jagħdrek. Din hi xi ħaġa li l-Papa Franġisku jħobb jirrepetiha ħafna. Ovvjament, din l-esperjenza tista’ ssir permezz tas-saċerdoti, li huma l-konfessuri tagħna. Nitolbu li fil-konfessuri tagħna nsibu l-ispirtu ta’ Ġesù: spirtu ta’ ħlewwa, spirtu ta’ ħniena, spirtu ta’ verità imma fuq kollox spirtu ta’ paternità spiritwali.
Ħafna drabi, forsi l-kelma li jgħid il-konfessur, għalina tkun laxka żżejjed. Fi Buenos Aires l-Arġentina, il-Papa Franġisku kien jaf konfessur li darba minnhom qallu, “Qed ninkwieta li se nitlef ruħi għax kont ħanin wisq ma’ min ġie jqerr għandi”. U l-Papa, dak iż-żmien kien għadu Arċisqof, serraħlu rasu u qallu, “Tinkwetax, inti għamilt dak li kien jagħmel Ġesù”. Il-Papa jħobb isemmi lil dan is-saċerdot għaliex anke lilu għallmu li jekk irid ikollu l-qalb ta’ Ġesù, irid ikollu qalb ta’ mogħdrija kbira.
Nitolbu l-interċessjoni ta’ San Raymond ta’ Penjafort biex il-konfessuri tagħna jkollhom il-qalb ta’ Ġesù.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Ġw 4:19 – 5,4
Salm: 71 (72), 2.14 u 15bċ.17
Evanġelju: Lq 4:14-22a