L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju tat-tħabbira tal-Mulej jippreparana b’mod immedjat għall-festa li se niċċelebraw propju mil-lejla ’l quddiem.

Dan l-Evanġelju huwa ta’ disa’ xhur ilu għax aħna niċċelebrawh u naqrawh b’solennità kbira fil-25 ta’ Marzu, disa’ xhur qabel il-25 ta’ Diċembru qabel jum il-Milied. L-Evanġelju tal-lum ifakkar it-tnissil ta’ Ġesù, il-mument meta Ġesù, it-tieni persuna tas-Santissima Trinità, l-Iben ta’ Alla jibda jeżisti fil-ġuf ta’ mara bħala bniedem. Jitnissel. Illum allura l-Evanġelju stess ifakkarna fid-dinjità tal-bniedem, ta’ kull ħlejqa umana sa mill-bidu tat-tnissil tagħha.

Illum qed niċċelebraw dik l-‘iva’ li tat il-mamà ta’ Ġesù u li bil-qawwa t’Alla li għalih xejn mhu impossibbli: “Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:37) jgħidilha Gabrijel. Bl-‘iva’ tagħha l-Ispirtu s-Santu, il-qawwa tal-għoli li titfa’, tixħet id-dell tagħha fuqha, din il-qawwa kbira ta’ mħabba, tarbija tibda titnissel fil-ġuf tagħha. Minn hawn u ftit sigħat oħra, nagħaddu għal disa’ xhur u dat-tifel jitwieled.

Imma allura l-Evanġelju tal-lum li qed jitħabbar daqshekk qrib it-twelid, wara kollox huwa l-Evanġelju tat-tnissil mhux tat-twelid, x’qed jgħidilna? Li jista’ jitfa’ dawl fuq dak li se niċċelebraw minn hawn u ftit sigħat oħra madwar id-dinja? Dalgħodu rċevejt messaġġ mill-Arċisqof mill-Awstralja u fakkarna li l-Milied għalihom ħafna iżjed qrib min tagħna. Aħna hawnhekk jitwieled 12-il siegħa oħra, għalihom kien diġà s-6:00am.

Imma importanti li nifhmu li l-Evanġelju li qed jitħabbar illum qed jintroduċilna wkoll l-identità, kważi l-karta tal-identità, ta’ dak li qegħdin nistennew. X’jgħidilha l-anġlu lil din it-tfajla rżina, lil Marija dwar it-tarbija tagħha? L-ewwel nett jgħidilha li se ssemmih Ġesù. Propju fit-tnissil tiegħu dan it-tifel jingħata u jitħabbar ismu: “Inti ssemmih Ġesù” (Lq 1:31) Għaliex? Għaliex Ġesù tfisser ‘Alla jsalva, Jeshua, Alla jsalva’. U fil-fatt din hija waħda mill-ewwel missjonijiet li tissemma’ dwar Ġesù. “Hu jkun kbir, jissejjaħ Bin il-Għoli. Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru” (Lq 1:32). Mela din it-tfajla fqira, sempliċi, umli minn Nazaret qed tisma’ l-aħbar tal-anġlu li jgħidilha dit-tarbija li se tissejjaħ Ġesù, hu sultan, it-tron tiegħu isaltan, ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.

Ejjew nitolbu biex aħna nifhmu f’min qed iħabbat fuq il-bieb ta’ qalbna llum. Dak li ġej biex isalvana, dak li ġej biex iniedi s-saltna ta’ Alla. Meta għallimna nitolbu Ġesù għallimna nitolbu: ‘tiġi saltnatek” u aħna f’dawn is-sigħat qabel il-lejl qaddis tal-Milied, nitolbu l-istess talba: “tiġi saltnatek”. Din it-tarbija hija sultan “is-saltna tiegħu ma tispiċċa qatt” imma x’tip ta’ saltna hi? Hija saltna ta’ verità, ġustizzja, imħabba u sliem. Il-Maġi wkoll ikollhom sinjal li twieled sultan. Aħna llum qegħdin nifirħu bit-tħabbira li se jitweldilna sultan: “ingħatalna tifel”. U dan it-tifel li jismu Ġesù ikun għalina ta’ ferħ u ta faraġ

L-istedina tiegħi lil min qiegħed jismagħni llum huwa li nitħejjew tajjeb minn ġewwa. Ma nagħmlux biss il-festi ta’ barra. Aħna l-Maltin niddistingwu bejn il-festa ta’ barra u l-festa ta’ ġewwa meta magħmlu l-festa tar-raħal. U t-tnejn huma importanti, huma ingredjenti importanti tal-festi tagħna. Il-festa ta’ barra u l-festa ta’ ġewwa, festa li ssir fil-knisja b’mod speċjali. U l-Milied ukoll għandu l-festi ta’ barra imma għandu l-ikbar festa ta’ ġewwa li hija fil-qalb tagħna.

Ejjew dan il-Milied nagħmluh kemm irridu imma bis-sens festa ta’ barra, imma nagħmluh ukoll festa ta’ ġewwa. Nilqgħu ’l Mulej fil-qalb tagħna. Tgħiduli kif? Qed iħabbat fuq il-qalb tiegħek biex jaħfirlek u jagħtik is-sliem bis-sagrament tal-qrar, qed iħabbat fil-qalb tiegħek biex tilqgħu fil-misteru tal-Ewkarstija li qegħdin niċċelebraw  Mela l-qrar u t-tqarbin huma importanti ħafna fiċ-ċelebrazzjoni ta’ dawn il-jiem tal-Milied.

Jiena nawgura li kull min jixtieq jidħol tassew fl-ispirtu ta’ dawn il-ġranet, ikollu ċ-ċans jersaq lejn saċerdot u jqerr, jersaq lejn il-quddies u jitqarben. Nerġa’ nfakkarkom li aħna mil-lejla nibdew niċċelebraw il-Milied u nibqgħu niċċelebrawh sal-festa tal-Epifanija, din is-sena fis-7 ta’ Jannar. Dakinhar tas-7 ta’ Jannar imbagħad titħabbrilna l-festa u d-data tal-Għid. Imma aħna u nitolbu biex il-Milied ikun festa sabiħa nitolbu wkoll għad-don tal-paċi. Illum nitlobkom inkomplu nitolbu għall-paċi fid-dinja b’mod speċjali fl-art fejn twieled Ġesù.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Sam 7:1-5,8b-12,14a,16
Salm: 89 (89):2-5,27,29
Qari II: Rum16:25-27
L-Evanġelju: Lq 1:26-38

Aktar ritratti