L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Kif indunajtu f’dawn il-jiem qegħdin naqraw siltiet mid-diskors ta’ Ġesù fl-aħħar ċena li nsibu fl-Evanġelju skont San Ġwann. Illum għandna dan il-kliem u din is-silta mill-kapitlu 17. Innutaw li f’din is-silta, għax f’siltiet oħra jissemma b’ismu, l-Ispirtu s-Santu ma jissemiex b’ismu imma nixtieq li nagħrfu l-ismijiet differenti tal-Ispirtu s-Santu f’din is-silta.
Ħin minnhom Ġesù jitkellem dwar il-glorja; il-glorja hi isem ieħor tal-Ispirtu s-Santu. “Il-glorja li int tajt lili, jiena tajtha lilhom” (Ġw17:22). Mela aħna u nirċievu d-don tal-Ispirtu qegħdin nirċievu d-don tal-glorja li jħeġġeġ lill-Qalb ta’ Ġesù.
Waħda mill-esperjenzi sbieħ fil-ħajja ta’ Ġesù hi t-trasfigurazzjoni tiegħu fuq il-Muntanja Tabor. Illum fir-rużarju se nitolbu l-misteri tad-dawl u r-raba’ misteru tad-dawl hu propju meta Ġesù ġie trasfigurat fuq il-Muntanja Tabor, juri l-glorja tiegħu. Imma l-glorja ta’ Ġesù hi wkoll is-sehem tal-qawwa tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej li jmexxih, jimbuttah, iwasslu. “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, hu bagħatni nwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin.” U Ġesù jagħti minn din il-glorja tiegħu, id-don tal-Ispirtu s-Santu lilna.
U l-glorja li jagħtina, id-don tal-Ispritu s-Santu jinsisti Ġesù f’din is-silta tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, hu biex aħna jkollna d-don tal-għaqda. L-aħwa, fejn hemm il-firda, fejn hemm is-suspett, fejn hemm il-kalunnja, dak kollu li jkisser l-għaqda, ġej mill-għadu tagħna. L-Ispirtu s-Santu jċanfrek, iwiddbek, għandu kelma ta’ verità imma jwasslek għall-armonija, għall-għaqda. Għalhekk jgħid li l-glorja li jagħtina tagħmilna wkoll ħaġa waħda.
Kelma oħra li juża Ġesù hi mħabba. “Missier, irrid li dawk li tajtni jkunu miegħi biex jaraw il-glorja tiegħi u l-glorja li inti tajtni għaliex int ħabbejtni sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja” (Ġw 17:24).
Kelma oħra, titlu ieħor sabiħ tal-Ispirtu s-Santu, hu l-imħabba u għalhekk f’din is-silta nsibu kemm-il darba mhux biss il-glorja u l-għaqda imma wkoll l-imħabba.
Kelma oħra – għarfien: “Missier ġust tassew id-dinja ma għarfitekx imma jien għaraftek u dawn għarfu li inti bgħattni” (Ġw 17:25). Għax l-għarfien tagħna ta’ Ġesù hu don tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej. Hu l-Ispirtu fina li jagħraf il-preżenza ta’ Ġesù fid-dinja, fil-proxxmu, bejnietna.
Ejjew nitolbu aħna u nippreparaw għall-festa kbira ta’ Pentekoste li aħna nifhmu kemm hu kbir id-don tal-Ispirtu s-Santu. Illum smajna lil Ġesù jagħtih dawn l-ismijiet sbieħ u jitkellem fuqu, fuq l-imħabba li għandu lejn il-Missier u l-Missier lejh u minn din l-imħabba jipproċedi l-Ispirtu s-Santu: glorja, għaqda, imħabba, għarfien.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta