L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Kull meta aħna rroddu s-salib, li hu s-sinjal tagħna l-Insara, aħna ngħidu: “Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”.  U llum smajna wkoll fit-Tieni Qari, fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, fejn isemmi dik it-tislima li kemm-il darba nisimgħuha fil-bidu tal-quddiesa: “Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu tkun magħkom ilkoll.”

Għandna hawnhekk dak li qed niċċelebraw illum: il-festa tat-Trinità Qaddisa. Alla li aħna nemmnu fih hu Alla wieħed, u Alla tliet persuni: il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu Santu. Hu misteru dan, misteru kbir. Meta ngħidu ‘misteru’, ma jfissirx biss, kif kultant nużaw il-kelma, xi ħaġa diffiċli biex nifhmuha. Imma jfisser li qed inħarsu lejn realtà tant kbira li ma tistax tidħol f’moħħna kollha. Nifhmu biss ħjiel minnha.

Imma jekk Alla wera lilu nnifsu bħala t-Trinità, żgur li hemm messaġġ importanti għalina. Nixtieq insemmi punti li joħorġu mill-Kelma ta’ Alla u li juru għaliex din il-festa hi tant importanti għalina.

L-ewwelnett, Alla qalilna xi ħaġa intima fuqu nnifsu: li hu tliet persuni, u li l-karatteristika tagħhom hi l-imħabba sħiħa. F’Alla hemm l-imħabba fil-milja tagħha. Ir-relazzjoni bejniethom hi dik ta’ komunjoni sħiħa. Hemm li tħobb u li tkun maħbub fil-milja tagħha, b’mod perfett. Dan hu Alla li hu mħabba. L-imħabba sħiħa u perfetta, fil-milja tagħha.

M’aħniex imsejħin biex inkunu iżolati jew biex inkunu maqtugħin għal rasna …

Imma Alla ried ukoll li lilna jseħibna miegħu f’din il-ħajja tat-Trinità. Għalhekk, meta ħalaqna, ħalaqna xbieha tiegħu. Jiġifieri qiegħed fina ż-żerriegħa tal-imħabba: li aħna wkoll f’ħajjitna għandna l-kapaċità li nħobbu u li nkunu maħbuba, u hemm inkunu qed induqu xi ftit mill-ħajja ta’ Alla fina. Hemmhekk inkunu qed ngħixu tassew din il-ħajja ta’ Alla, u hemmhekk insibu l-milja, l-isbaħ esperjenza fil-ħajja tagħna. Naturalment, aħna li nemmnu nagħmluha b’mod aktar qawwi, għax aħna tgħammidna fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, biex nissieħbu b’mod aktar qawwi f’din il-ħajja ta’ Alla li hu mħabba.

Għalhekk l-istedina li jagħmel Alla lilna hi biex aħna ngħixu din il-ħajja ma’ xulxin. Ir-relazzjonijiet tagħna jkunu jixbhu lil din il-ħajja ta’ Alla. M’aħniex imsejħin biex inkunu iżolati jew biex inkunu maqtugħin għal rasna, imma biex nibnu tassew relazzjonijiet ta’ komunjoni u ta’ mħabba. Għalhekk Alla qiegħed din il-ħajja tiegħu fina.

Dan nagħmluh b’mod konkret fil-ħajja tagħna. Ħa nsemmi l-ħajja tagħna flimkien speċjalment fil-familja, imma anke fejn niltaqgħu flimkien, fix-xogħol u postijiet oħra. Ngħixu tassew din il-ħajja tat-Trinità fina meta aħna nqiegħdu l-imħabba bħala r-ruħ tal-ħajja tagħna. Meta aħna nuru appoġġ u sostenn lil xulxin, meta nagħmlu inkoraġġiment lil xulxin, meta ngħinu lil xulxin noħorġu t-tajjeb ta’ xulxin, meta aħna nieqfu ma’ min qiegħed ibati, meta aħna naħfru jew nitolbu maħfra – hemmhekk qed ngħixu tassew din il-ħajja ta’ Alla fina, din il-ħajja tal-imħabba. U nindunaw li meta nsibu tassew l-imħabba, hemm xi ħaġa li nixtiquha dejjem tibqa’, li qatt ma tispiċċa, għax dik hi l-ħajja ta’ Alla fina. Alla, li hu etern, qiegħed din il-ħajja biex aħna nistgħu ngħixu l-imħabba ma’ xulxin. Nagħmluha, naturalment, fil-limitazzjonijiet tagħna, bid-difetti tagħna, bin-nuqqasijiet tagħna. Aħna qatt ma nistgħu nilħqu l-milja; jekk Alla jrid, fis-sema nilħqu l-milja ta’ din l-imħabba. Imma hawnhekk nagħmlu li nistgħu, bid-difetti kollha tagħna u n-nuqqasijiet kollha tagħna.

Ir-razziżmu huwa insult lil Alla, għaliex Alla ħalaqna lkoll xbieha tiegħu.

Meta jkollna din f’qalbna, nindunaw li anke l-mod kif inħarsu lejn l-oħrajn in ġenerali – mhux qed ngħid biss ma’ min noqogħdu, jew ma’ min naħdmu – ikun differenti, għax inħarsu lejhom bl-istess lenti li jħares Alla. Ħa nsemmi xi ħaġa li tissemma ħafna llum fid-dinja. Ir-razziżmu huwa insult lil Alla, għaliex Alla ħalaqna lkoll xbieha tiegħu. Li int ma tistmax lil xi ħadd għax hu iswed – qed tinsulta lil Alla, li ħalaq lil kulħadd, hu min hu, xbieha tiegħu. Jekk jien ma nistmax lil xi ħadd għax hu iswed, jien li għandi problema, mhux hu li għandu problema. Aħna nafu li r-razziżmu jmur direttament kontra dak kollu li nemmnu fuq Alla u fuq l-imħabba li hu qiegħed fina li għandna ngħixuha billi nirrispettaw il-ħajja u d-dinjità ta’ kull persuna.

Għalhekk nindunaw kemm hemm bżonn li aħna nħallu din il-ħajja ta’ Alla fina tmexxina hi. Nitolbu lil Alla din il-grazzja: li hu dejjem jippurifikana minn dak kollu li jfixkel din l-imħabba tiegħu fina –  id-diviżjoni, il-konflitti, l-egoiżmu – ħalli nistgħu ngħixu tassew xbieha tiegħu kif ħalaqna, xbieha ta’ Alla Trinità fejn hemm biss imħabba.

Nitolbu lil Alla din il-grazzja llum, aħna u  nirringrazzjaw lil Alla l-Missier, l-Iben, u l-iSpirtu s-Santu. Nitolbuh li aħna wkoll ngħixu din il-ħajja li hu nissel fina, u nkunu wkoll strumenti tal-imħabba u tal-komunjoni ta’ Alla kulfejn inkunu f’ħajjitna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju