-
-
Bejn id-9 u t-13 ta’ Settembru, il-Provinċja Maltija ta’ San Pawl Appostlu tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali ċċelebrat it-30 Kapitlu Provinċjali Ordinarju fiċ-Ċentru Kulturali Franġiskan, Birkirkara.
Matul il-ġimgħa tal-Kapitlu l-patrijiet talbu flimkien u rriflettew dwar il-ħajja tal-Provinċja. F’dan il-Kapitlu, ippresedut mill-Ministru Ġenerali tal-Ordni Patri Carlos Alberto Trovarelli u fil-preżenza tal-Assistent Ġenerali Patri Giovanni Voltan, saru wkoll l-elezzjonijiet tal-Ministru Provinċjali u tal-Kunsill tiegħu.
Il-Ministru Provinċjal il-ġdid huwa Patri Colin Charles Sammut filwaqt li l-membri tal-Kunsill tiegħu huma Patri Paul Darmanin (Vigarju Provinċjali), Patri Christian Borg (Segretarju Provinċjali), Patri Elija Vella, Patri Alfred Calleja u Patri Joseph Xerri.
Patri Colin Sammut, mill-Qawra, twieled fit-8 ta’ Novembru tal-1981. Daħal mal-Patrijiet Franġiskani Konventwali fl-2002 u wara li studja l-filosofija fl-Università ta’ Malta fis-snin tal-postulandat, beda s-sena tan-Novizzjat f’Osimo, l-Italja fl-2005. Fis-6 ta’ Settembru tal-2006 għamel il-Professjoni Sempliċi u fl-10 ta’ Settembru tal-2010 għamel dik Solenni. Fit-12 ta’ Diċembru tal-istess sena ġie ordnat djaknu u fit-3 ta’ Lulju tal-2011 ġie ordnat saċerdot.
Patri Colin f’dawn l-aħħar snin kellu diversi karigi fil-Provinċja. Fost oħrajn kien Vigarju Provinċjali, Gwardjan tal-Komunità ta’ San Franġisk tal-Belt Valletta, responsabbli mill-animazzjoni missjunarja u membru tal-ekonomat provinċjali.
-
-
Il-Ministru Provinċjal il-ġdid, Patri Colin Charles Sammut