L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

“Il-kliem tiegħek, Mulej huwa spirtu u ħajja” Dan huwa il-vers tar-Responsorju li l-Knisja tressaq quddiemna f’dan il-jum tar-Randan, it-Tnejn tal-ewwel ġimgħa tar-Randan. Huwa ispirat minn kapitlu 6 ta’ San Ġwann vers 63 fejn Ġesù stess jiddeskrivi l-kelma bħala dik li tagħti l-ispirtu u l-ħajja.

Intom u ssiru qaddejja tal-Kelma, għeżież Shaun u Jean Claude, ftakru li l-Kelma mhijiex tagħkom imma hija tal-Mulej. Waħda mit-tentazzjonijiet kbar matul is-sekli kienet li l-Kelma tal-Mulej jew nagħmluha tagħna u allura ninqdew biha biex insawtu lil xulxin, inkella ninsewha għax ma togħġobniex. Il-Mulej stess, konxju ta’ din il-ħaġa, jagħti l-parabbola taż-żerriegħa li taqa’ fl-art f’diversi kwalitajiet ta’ art, kuntest l-art imbattna, l-art li mhijiex fonda, art mimlija xewk, u art għammiela.    

U allura aħna għandna bżonn il-grazzja ta’ Alla biex il-Kelma tiegħu, li mhix tagħhna, fina tagħmel il-frott. U l-Kelma tal-Mulej hija “spirtu u ħajja”. Intom qaddejja ta’ din il-Kelma għażiża li ħafna drabi, għaliex hija propju mħabba, kapaċi ċċanfarna. Kull wieħed u waħda minna kull meta naqraw din is-silta mill-Kapitlu 25 ta’ San Mattew, mistednin biex nagħmlu l-eżami tal-kuxjenza tagħna. Ġesù huwa konkret ħafna: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont il-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:35-36). U aħna nistaqsuh: ‘Meta, Mulej?’ “Tassew ngħidilkom kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

L-Appostlu Missierna kellu jisma’ lil Ġesù fit-triq ta’ Damasku, l-istess tip ta’ kelma: “Għaliex qiegħed tippersegwitani?” U Sawlu jgħidlu: “Int min int, Mulej?” (Atti: 9:4-5). Ġesù ma jgħidlux: ‘Għaliex qiegħed tippersegwita lid-dixxipli tiegħi’, għax hekk kien qed jagħmel Sawlu, imma jgħidlu: “Għaliex qiegħed tippersegwitani?”

“Kulma għamilt ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltu miegħi” (Mt 25:40), għamiltu miegħi! U din hija ħaġa li lilna għandha bżonn iġġagħalna naħsbu. Din il-kelma qawwija ta’ Ġesù li ħaġa waħda mal-proxxmu: kif nittrattaw lil xulxin hu jqisu qegħdin nittrattaw lilu. Din hija kelma tassew ta’ spirtu u ħajja. Hija kelma ta’ mħabba għaliex hija kelma ċara li ġġagħalna naħsbu, nirriflettu fuq kif inġibu ruħna mal-proxxmu tagħna imma fl-istess ħin twegħedna li jekk aħna fil-proxxmu tagħna naraw lill-Mulej, ikollna wkoll il-grazzja li nidħlu fil-glorja tiegħu, li aħna nidħlu fil-ħajja ta’ dejjem. Il-kelma tiegħu hija “spirtu u ħajja” li twassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ta’ dan, għeżież Shaun u Jean Claude, intom illum il-Knisja qiegħda tistitwikom qaddejja, qaddejja ta’ din il-Kelma. Min jaf kemm qrajtu l-Kelma privatament, fil-komunità. Il-fatt li intom illum magħżula biex tkunu letturi għandu jkun għalikom sinjal ċar li hi u tilqagħkom kif diġà għamlet nhar l-Epifanija bħala kandidati għas-saċerdozju, trid tfakkarkom li l-pedament jibqa’ dejjem il-Kelma tal-Mulej – il-Verbum Domini.    

Il-Mulej, għax hekk jgħallimna ngħidu s-Salm 18, huwa dak li: “Permezz tal-liġi tiegħu, jagħti l-ħajja, permezz tax-xhieda tiegħu jgħallem lil min ma jafx, permezz tal-preċetti tiegħu jferraħ il-qalb, permezz tal-kmandamenti tiegħu jdawwal il-għajnejn, permezz tal-biża’ li għandu jkollna tiegħu u li jibqa’ għal dejjem, huwa jsir il-blata tagħna u l-feddej tagħna” (ara Salm 8: 8-10) .

Idħlu fl-ispirtu li tixtieqkom tidħlu fih il-Knisja dik li l-għajnejn ta’ ruħkom ikunu dejjem imdawlin bil-Kelma tal-Mulej għax aħna mdawrin b’ħafna għerf imma rridu nagħmlu att ta’ fidi fil-Kelma tal-Mulej li hija “spirtu u ħajja”. Għandna ħafna għerf u tagħlim. Kemm jinkitbu kotba u jibqgħu jiktbu u forsi tiktbu xi wieħed intom ukoll – tiktbux fit-tul ta – imma l-ispirtu u l-ħajja li tana Alla tagħna permezz tal-Kelma tal-Mulej. U meta tiftħu fommkom bħala seminaristi llum, tgħaddu għall-presbiteri, itolbuh li dejjem li l-kelma tagħkom dejjem tkun imsejsa, ispirata mill-Kelma tiegħu.

U nagħlaq b’xi ħaġa li kien jgħidilna l-Patri spiritwali tagħna – Dun Viċenz naħseb tiftakru – Patri Bennard u kien jgħidilna xi ħaġa bl-Ingliż li kien qara xi mkien u kien jirrepetiha lilna u aħna nirrepetuha lill-ġenerazzjonjiet, nittama li intom tirrepetuha wkoll. For many people the only edition of the Bible that they will ever meet is yourselves. Għal ħafna nies l-unika edizzjoni tal-Bibbja li qatt se jiltaqgħu magħha huwa intom.U meta jiltaqgħu magħna n-nies, x’edizzjoni tal-Bibbja jkunu sabu?    

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta  

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Lev 19, 1-2.11-18
Salm: 18 (19), 8.9.10.15
Evanġelju: Mt 25, 31-46

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti