L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kull meta nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù, hi sseħħ fostna. Il-kelma li jgħid Ġesù fis-sinagoga ta’ Nazaret, fejn kien trabba, isseħħ kull meta nisimgħu l-kelma tiegħu; din il-kitba seħħet illum intom u tisimgħu. Għalhekk is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla li aħna niċċelebraw f’kull quddiesa, huwa mument għażiż ħafna. Il-kelma li nisimgħu, isseħħ, issir realtà. Illum Ġesù juża l-ktieb ta’ Isaija biex jagħtina l-programm ta’ ħajtu, tal-missjoni tiegħu, kif ukoll  jurina għaliex ġie fostna l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Bgħattni nħabbar il-ħelsien, inwassal il-bxara t-tajba, inġib id-dawl, inrodd il-ħelsien, inxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej. Aħna b’umiltà kbira ejjew nistqarru li għandna bżonnu. Dik it-talba sabiħa ta’ San Ġorġ Preca, min jaf kemm-il darba smajtuni nirrepetiha f’xi omelija ta’ nhar ta’ Ħadd. Ejjew ngħiduha flimkien: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok!’

Ejjew nippruvaw nifhmuha din il-kelma li għallimna l-qaddis Malti San Ġorġ Preca. Quddiem Alla, San Ġorġ għallimna ma nistħux ngħidulu li għandna bżonnu, għaliex aħna minħabba dnubietna, ninsabu mjassrin, minħabba l-vizzji tagħna ninsabu fqajrin, minħabba l-preġudizzji tagħna, għomja, minħabba l-ħażen ta’ ħaddieħor, maħqurin. Aħna lkoll għandna bżonn lis-Salvatur, dak li lill-imjassrin ġie jħabbar il-ħelsien, lill-fqajrin tahom il-bxara t-tajba, lill-għomja – lilna, tana d-dawl. Aħna maħqurin minħabba l-ħażen ta’ ħaddieħor, hu ġie  jroddilna l-ħelsien. Il-ħelsien billi jagħtina l-kapaċità mhux biss li ngħidu l-Missierna – it-talba tiegħu, imma billi ngħixuha u nifhmuha. Jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun dak li trid kif fis-sema hekkda fl-art. Il-fatt li aħna nitolbuh il-ħobża ta’ kuljum, li nitolbuh il-maħfra, jeħtieġ nimpenjaw ruħna wkoll li naħfru lil xulxin.

L-aħwa, ippermettuli ngħid din il-kelma. Meta jiena naħfer lil xi ħadd, ma jfissirx li qed ngħid li l-ħażin sar tajjeb għax jekk hu hekk m’hemmx għalfejn naħfer. Il-ħażin insejħulu b’ismu – ħażin. Imma jiena nkun iblah jekk qalbi navvelenaha bir-rabja u bl-ispirtu tal-vendetta għax hemmhekk min jixtieqli l-ħażin jagħmilli l-ikbar deni.

Il-maħfra li għallimna Ġesù hija l-ħelsien mill-ħażen li jipprova jaħkmek. Mhuwiex li t-tajjeb isir ħażin u l-ħażin isir tajjeb, mhux dik il-maħfra, għax il-maħfra tinbena fuq il-verità u l-verità hija waħda. Imma meta taħfer qed tgħid, jiena m’iniex ilsir tal-mibegħda tiegħek. Tobgħodni, tixtieqli l-ħażin, għamiltli azzjoni ħażina; jekk jiena se nibqa’ taħtha, allura rbaħt inti. Il-maħfra hi li jiena nħallik f’idejn Alla għax  kif jgħid il-Malti: ‘Alla għandu jdejh twal’, jiġifieri jieħu ħsieb hu. Inħallik f’idejn Alla. Jiena meħlus!

Il-fatt li aħna nitolbuh il-ħobża ta’ kuljum, li nitolbuh il-maħfra, jeħtieġ nimpenjaw ruħna wkoll li naħfru lil xulxin.

Il-Mulej ġie jagħtina dan il-ħelsien. Din hija sena ta’ grazzja, il-kelma grazzja tfisser imħabba b’xejn, imħabba li ma titlobx prezz lura, ma tippretendix ħlas tal-imħabba. Il-grazzja ‘gratis’, hija mħabba li la tistħoqqilna u lanqas torbotna li nħallsuha lura. Din hija l-imħabba ta’ Alla għalina. Din hija l-kelma speċjali, il-kelma grazzja li aħna nużaw biex infissru kif Alla jħobbna. Alla jħobbna mingħajr ma jistħoqqilna, hu ma jippretendi xejn lura. Imma hija l-glorja tagħna li ngħidulu grazzi għax il-grazzi ġejja wkoll minn grazzja b’xi mod.

Tiftakru meta kien hemm għaxar persuni bil-lebbra u Ġesù fejjaqhom,  u wieħed biss irritorna jgħidlu grazzi? Ġesù ħassha. Qal mhux l-għaxra fejjaqt jiena? Wieħed biss, is-Samaritan ġie lura jgħidli grazzi. Hawnhekk nifhmu wkoll l-għerf ta’ kelma oħra li għallimna San Ġorġ Preca; ngħiduha flimkien: ‘Grazzi sinjur Alla u aħfirli sinjur Alla!’

Sliema għalik Marija, bil-grazzja mimlija, il-Mulej miegħek, imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek Ġesù. Qaddisa Marija Omm Alla, itlob għalina midinbin, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Ammen.

Il-Mulej sid il-ħajja u l-istorja, hu  jagħti lill-bnedmin kollha, pellegrini fiż-żmien, bil-għajnuna tal-Ispirtu li jagħrfu d-don tat-tajjeb u jaslu biex ixandru lil Ġesù l-Mulej. Mimlijin bit-tama f’Missierna tas-sema, inressqu quddiemu t-talbiet tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Eżodu 2:1-15a
Salm: 68 (69):3,14,30-31,33-34
L-Evanġelju: Mt 11:20-24

Aktar ritratti