• Il-Ġimgħa 18 ta’ Novembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ppresieda l-ewwel sessjoni tal-Assemblea Djoċesana 2016, fil-Katekumenju, il-Mosta. Il‑laqgħa annwali ffokat fuq il‑konverżjoni għall-pastorali tal‑ħniena, li l-Papa Franġisku tant qed jisħaq fuqha. Fl-ewwel sessjoni, Fr Kevin Schembri u Dr Anna Vella għamlu l-preżentazzjonijiet tagħhom ta’ din it-tema.

    Fr Kevin Schembri tkellem dwar żewġ punti ċentrali fil-proċess ta’ konverżjoni għall-pastorali tal-ħniena. Saqsa jekk fuq livell personali u komunitarju, l-Operaturi Pastorali fi ħdan il-Knisja f’Malta humiex konvinti mill-bżonn li jirċievu l-Ħniena ta’ Alla għalihom infushom u x’inhuma jagħmlu biex jilqgħu din il-Ħniena. Qal li dan il-pass hu fundamentali biex l-atteġjament pastorali tal-Knisja jkun mibni fuq il-ħniena. Saħaq li l-ħniena trid tingħex ukoll fi ħdan il-komunità tal-Knisja u mhux ma’ dawk li huma fil-periferija biss. Dan jista’ jseħħ permezz ta’ aktar attenzjoni, disponibilità u djalogu bejn il-ġerarkija u l-grassroots, fi ħdan il-parroċċi, l-għaqdiet u l-ordnijiet reliġjuż, u bejn l-operaturi pastorali infushom.

    Dr Anna Vella iffokat fuq il-ħniena li tintwera għall-persuni li jinsabu fuq barra tal-periferija: il-persuni bi problemi soċjali, fosthom id-drogati, jew persuni vulnerabbli li sfaw vittmi ta’ abbuż. Dr Vella saħqet li persuna qatt ma sabet imħabba f’ħajjitha ma tistax tħobb, u b’hekk id-djalogu huwa ferm importanti biex nifhmu iktar dawn ir-realtajiet. Meta jkun hemm id-djalogu u s-smigħ ma’ min huwa mġarrab, b’dak il-mod persuna tista’ tagħder u tħenn. Tkellmet ukoll li operatur pastorali jrid ikun sostnut u msaħħaħ mis-sagramenti u t-talb biex ikun jista’ jagħti ħajtu lill-oħrajn.

    Fir-rimarki konklussivi tiegħu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna rrefera għall-Paragrafu 85 tal-Eżortazzjoni Appostolika ‘Evangelii Gaudium’, fejn ħeġġeġ lill-udjenza biex ma jitnikktux meta jħossuhom ‘mirbuħa’, li jibdluhom “f’persuni pessimisti b’wiċċhom imkemmex li dejjem imdejqin u qalbhom maqtugħa”. Ħeġġeġ biex “nibqgħu mexjin ’il quddiem mingħajr ma nagħtu ruħna b’mirbuħa”, għaliex fid-dgħufija tidher il-qawwa ta’ Alla.

    Click here to see all photos of the 2016 Diocesan Assembly.

  • Photos: Jamie Genovese