• Nhar il‑Ħamis 21 ta’ April 2016, fis‑6:00 p.m., l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra Quddiesa fil‑Katidral tal‑Imdina, b’suffraġju għal ruħ l‑Arċisqof Emeritu Monsinjur Ġużeppi Mercieca, f’għeluq ix-xahar mill-mewt tiegħu. Din il‑Quddiesa qed tiġi organizzata mis‑Segretarjat tal‑Edukazzjoni Nisranija b’rikonoxximent tal‑kontribut li l‑Arċisqof Mercieca ta għall‑iskejjel tal-Knisja. Għal din il‑Quddiesa qed jiġu mistiedna wkoll l‑Awtoritajiet tal‑Edukazzjoni u l-kapijiet tal‑iskejjel tal‑Knisja.
      Dakinhar ukoll, l-Arċisqof Scicluna talab lill-Kappillani u l-Arċiprieti biex f’kull parroċċa ssir Quddiesa b’suffraġju għal ruħ l‑Arċisqof Mercieca. Din il-Quddiesa għandha tiġi ċċelebrata fl-aktar ħin adattat għall-Insara, bis-sehem tal‑Kleru tal‑parroċċa.