Il-Madonna tas-Santwarju tal-Mellieħa

Illum, il‑Ġimgħa 8 ta’ Mejju 2020, festa tal‑Madonna ta’ Pompei, l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ser jiċċelebra Quddiesa fil‑Knisja Parrokkjali u Santwarju tal‑Madonna ta’ Pompei f’Marsaxlokk u jitlob is‑Supplika lill‑Madonna ta’ Pompei u r‑Rużarju. Din ser tixxandar fuq TVM2 fil‑5:30 p.m. u fuq il‑website tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.

Għada, is‑Sibt 9 ta’ Mejju, festa ta’ San Ġorġ Preca, l‑Arċisqof ser jiċċelebra Quddiesa mill‑Kappella ta’ Sidtna Marija tal‑Midalja Mirakoluża, il‑Blata l‑Bajda, fejn jinsabu meqjuma l‑fdalijiet ta’ San Ġorġ Preca. Matul din il‑Quddiesa u r‑Rużarju l‑Arċisqof ser jitlob bl‑interċessjoni ta’ San Ġorġ biex il‑Mulej ikompli jagħti lill‑pajjiżna d‑don tas‑saħħa. Din il‑Quddiesa ser tixxandar b’mod dirett fid‑9:30 a.m. fuq TVM2 u fuq Knisja.mt. Wara l‑Quddiesa jixxandar dokumentarju ‘Il‑Bixra ta’ Dun Ġorġ’, bi produzzjoni tas‑socjetà tal‑M.U.S.E.U.M.

Fuq xewqa tal‑Arċisqof, il‑Quddies ta’ nhar il‑Ħadd li ġej, Jum l‑Omm, se jixxandar minn santwarju Marjan. Għalhekk, il‑Quddiesa bil‑Malti fid‑9:30 a.m. u l‑Quddiesa bl‑Ingliż li tixxandar fis‑6:30 p.m. se jsiru fis‑santwarju nazzjonali tal‑Madonna tal‑Mellieħa. Hemmhekk, l‑Arċisqof ser jitlob għall‑ommijiet kollha, b’mod speċjali dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli, u wkoll għal dawk li jixtiequ jsiru ommijiet.

Kulħadd huwa mistieden jingħaqad mal‑Arċisqof għal dawn il‑mumenti ta’ talb, li fiċ‑ċirkustanzi preżenti, qed jixxandru fuq TVM2, Newsbook.com.mt u Knisja.mt.