L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ftit xhur oħra, nagħlqu sena li ilna b’din il-pandemija, li ġabet bidla fil-ħajja ta’ kulħadd, ħarbtet ħafna pjanijiet, u ġabet tbatija lil ħafna familiji. Kien hemm min tilef lill-għeżież tiegħu f’dan iż-żmien. Kien hemm min tilef ix-xogħol, jew naqaslu ħafna x-xogħol. Kien hemm min ibati bl-ansjetà, u żdiedet l-ansjetà f’daż-żmien. Żdiedu d-diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Hija tbatija mgħixa ħafna drabi fil-familja.

Nixtieq li fil-festa tal-Familja Mqaddsa, filwaqt li nagħrfu t-tbatija li ġġib magħha l-pandemija, naħsbu wkoll xi ftit dwar x’għandha tgħallimna għall-ħajja tagħna, speċjalment għall-ħajja tal-familja.

Il-protezzjoni tal-ħajja

L-ewwel nett il-pandemija wrietna l-valur tal-ħajja. Aħna qed nieħdu dawn il-miżuri kollha – u għandna nsegwu dawn il-miżuri – proprju biex inħarsu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn. Għalhekk kultant ikollna nidħlu f’ħafna kumplikazzjonijiet biex inħarsu l-ħajja. Il-pandemija wrietna li l-ħajja ta’ kull bniedem hi għażiża, mill-bidu nett sat-tmiem. Anke minn kiber ħafna fl-età, ukoll il-ħajja tiegħu jew tagħha tibqa’ għażiża u jsir minn kollox biex nipproteġu dil-ħajja.

U dan nagħmluh mill-bidu nett, mit-tnissil. L-esperjenza tal-valur tal-ħajja mit-tnissil teħodha speċjalment fil-familja, meta tara ġenituri li qegħdin jistennew it-tarbija tagħhom dawk ix-xhur kollha, jgħożżuha mill-mument tat-tnissil, biex imbagħad iħaddnuha fil-mument meta titwieled. Il-ħajja hi għażiża, u l-pandemija wrietna dan. Dan hu wkoll dak li wrewna Marija u Ġużeppi proprju fil-ġrajja tal-Milied. Huma pproteġew lil Ġesù mill-ewwel mument tat-tnissil tiegħu sakemm laqgħuh bħala tarbija fl-għar ta’ Betlehem.

Ir-relazzjonijiet

Il-pandemija wrietna wkoll il-valur ta’ xulxin, tar-relazzjonijiet sbieħ flimkien – meta jkunu tassew sbieħ, x’differenza jagħmlu! Speċjalment rajna dan fin-nuqqas tagħhom, għax issa fejn nixtiequ nkunu viċin, irridu nżommu ’l bogħod; fejn nixtiequ nikkomunikaw ċar, irridu nilbsu l-maskra; fejn nixtiequ nieħdu b’idejn xulxin, irridu minflok naħslu jdejna jew nużaw is-sanitiser. Dawn il-miżuri kollha neċessarji wrewna, bid-diffikultajiet li ħolqu, kemm hu sabiħ li aħna napprezzaw lil xulxin u li nkunu viċin ta’ xulxin.  

Għalhekk, speċjalment fil-familja, meta l-ħin kollu tiltaqa’ ma’ ħaddieħor, kemm hu importanti li aħna napprezzaw lil xulxin u nagħtu kas ta’ xulxin! Fejn hemm bżonn, nieqfu mill-ġirja tal-ħajja biex nuru dan. Kemm hu importanti li aħna nuru sensittività fil-kliem tagħna, li nuru li aħna grati, li ngħidu grazzi u fejn meħtieġ niskużaw ruħna tal-iżbalji tagħna, li noħorġu t-tajjeb ta’ xulxin fil-familja. Hemm tara l-ġmiel ta’ dawn ir-relazzjonijiet. Marija u Ġużeppi u Ġesù jagħtuna l-isbaħ eżempju ta’ dan għax kull fejn narawhom, dejjem qed jaħsbu f’xulxin. Dik hi l-kura, dik l-imħabba, dik it-tenerezza li tant hi sabiħa fil-ħajja tal-familja.

Il-fidi f’Alla tagħmel differenza. Tagħtina l-iskop għall-ħajja tagħna, turina li Alla qatt ma jitlaqna waħedna, anke meta ċ-ċirkustanzi jkunu diffiċli.

Is-solidarjetà

Il-pandemija wrietna l-valur tas-solidarjetà, li hemm bżonnha ħafna; aktar u aktar meta żdiedu n-nies fil-bżonn, minħabba l-kundizzjonijiet diffiċli ta’ bħalissa. Żdiedu n-nies fil-bżonn anke tal-affarijiet essenzjali, u tieħu gost kemm hawn nies, anke ispirati mill-Knisja, li jieqfu ma’ dawk li huma fil-bżonn u li minn tagħhom jgħinu lill-oħrajn.

Fil-familja titgħallem dan. Is-solidarjetà titgħallimha fil-familja. Kemm hi sabiħa meta int tara tfal li jkunu edukati fis-solidarjetà! Filwaqt li l-ġenituri jgħinuhom bis-sħiħ, kif għandhom jagħmlu, biex jiżviluppaw il-personalità tagħhom u t-talenti tagħhom, jgħinuhom ukoll biex jaħsbu fl-oħrajn, speċjalment f’dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Il-familja ta’ Marija, Ġużeppi u Ġesù hi eżempju mill-isbaħ ta’ solidarjetà, ta’ din l-imħabba li tintwera meta taħseb fl-oħrajn.

Il-fidi

Il-pandemija wrietna l-valur tal-fidi tagħna. F’dan iż-żmien nindunaw li l-ħajja hi tant dgħajfa, prekarja. Il-fidi f’Alla tagħmel differenza. Tagħtina l-iskop għall-ħajja tagħna, turina li Alla qatt ma jitlaqna waħedna, anke meta ċ-ċirkustanzi jkunu diffiċli.

F’din is-silta tal-Evanġelju tal-lum, tolqtok iċ-ċelebrazzjoni tal-fidi ta’ ġenerazzjonijiet differenti. Kien hemm fit-tempju żewġ anzjani, Xmun u Anna; kien hemm żewġ żgħażagħ, Marija u Ġużeppi; u kien hemm it-tarbija, Ġesù. Kemm hi sabiħa l-fidi li tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra!

Hi l-familja l-benniena tal-fidi, u hemm li l-ewwel tikber jew tiddgħajjef. Fost l-ikbar sfidi ta’ żmienna hemm l-isfida għall-ġenituri li jgħinu lil uliedhom jagħrfu li l-fidi tagħtihom skop, tagħmlilhom il-ħajja bis-sens u sabiħa, tgħinhom jiskopru t-tajjeb f’ħajjithom u jiżviluppawh waqt li qatt ma jinsew dak li jiġi l-ewwel. Il-fidi tgħinna nimxu ’l quddiem u tagħmlilna ħajjitna isbaħ. Alla qatt ma jiġi f’ħajjitna biex b’xi mod itellifna, imma biex jagħmilha ħajja isbaħ u aħjar. Hekk jagħmel fil-ħajja tal-familja. Għalhekk għandu valur kbir it-talb flimkien fil-familja. 

Fost l-isbaħ xeni fil-knisja, hi x-xena ta’ familja miġbura flimkien għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Il-pandemija tellfitna f’dan, u tifhem li għad hemm min jibża’, anke jekk bħala Knisja ħadna l-miżuri kollha b’responsabbiltà u dan ħalla l-frott. Imma l-pandemija wrietna wkoll il-valur tal-quddiesa, u kif xejn ma jieħu postha bħala punt ta’ riferiment importanti, għajn ta’ ispirazzjoni, u l-akbar barka u għajnuna għall-ħajja tal-familja.

L-esperjenza tat-tbatija

Illum nitolbu lill-Mulej biex ibierek il-familji tagħna, u jsaħħaħ l-imħabba li tmexxina anke qalb id-diffikultajiet kollha li għaddejjin minnhom bħalissa.

Nixtieq li niftakru wkoll fit-talb tagħna llum f’dawk il-familji li għaddejjin minn tbatija jew problemi fil-ħajja tal-familja. Insemmi dawk li jixtiequ b’ħerqa li jkollhom it-tfal u li ma rnexxilhomx. Niftakru f’dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż, u għadhom qed iġorru din il-weġgħa li ġabet il-firda. Niftakru wkoll f’dawk li għaddejjin minn żmien ta’ disgwid u kunflitti fir-relazzjonijiet. Nitolbu wkoll għal dawk li b’xi mod huma vittmi ta’ abbuż fi ħdan il-familja, biex isibu l-appoġġ u s-solidarjetà ħalli joħorġu minn din is-sitwazzjoni ta’ abbuż.

Nitolbu biex nibqgħu dejjem ispirati mill-ħajja sabiħa tal-Familja Mqaddsa.