-
L-ordinazzjoni episkopali tal-Isqof Awżiljarju l-ġdid ta’ Malta, Mons. Joseph Galea-Curmi, ser issir is-Sibt, 4 ta’ Awwissu 2018, fil-Katidral tal-Imdina, fis-7 p.m. Il-Quddiesa ser titmexxa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna filwaqt li l-Isqfijiet Koordinanti ser ikunu l-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P. u l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech.
Lejlet l-ordinazzjoni, il-Ġimgħa, 3 ta’ Awwissu, fis-7:30 p.m., ser issir velja ta’ talb fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara. Mons. Galea-Curmi trabba u jgħix f’din il-parroċċa. Waqt il-velja huwa ser jagħmel l-istqarrija tal-fidi, jieħu l-ġurament tal-fedeltà u jitbierku l-insinji episkopali (il-baklu, il-mitra u ċ-ċurkett) li ser jintużaw waqt l-ordinazzjoni.
L-Isqof Awżiljarju Elett jistieden lill-komunità Nisranija tingħaqad miegħu fiż-żewġ okkażjonijiet (il-Ġimgħa u s-Sibt), u biex titlob għalih sabiex il-Mulej ikun l-għajnuna u l-qawwa tiegħu f’din ir-responsabbiltà ġdida fdata lilu mill-Papa Franġisku.
L-arma araldika tal-Isqof Galea-Curmi tirrappreżenta l-kunjomijiet tal-ġenituri tiegħu, Galea Curmi u Mifsud Bonnici. Bħala motto tal-episkopat tiegħu, Mons. Galea-Curmi għażel il-frażi Vitam alere caritate (Ngħożżu l-ħajja bl-imħabba) ispirata mir-rakkont tal-Evanġelju li fih, b’umiltà kbira, Ġesù ħasel saqajn l-appostli. Fi kliem l-Isqof Elett, “Il-ħajja hi sabiħa meta ngħixuha bl-imħabba għax hi l-imħabba li tgħin lill-bniedem isib il-milja ta’ ħajtu, kif uriena Ġesù.”
-
-