• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali, Ħ’Attard
    29 ta’ April 2018

    Nieħu ħafna pjaċir li għal din il-Quddiesa qed niltaqa’ ma’ diversi tfal u anke żgħażagħ, il-ġenituri tagħhom, u anke xi nanniet.

    Ġesù llum jipprova jispjegalna kemm hi ħaġa sabiħa u importanti li nibqgħu ħaġa waħda miegħu. U għalhekk qegħdin hawnhekk illum. Wieħed mill-mezzi kif aħna nibqgħu ma’ Ġesù huwa li almenu darba fil-ġimgħa, kull nhar ta’ Ħadd, nisimgħu l-Kelma tiegħu, nersqu lejn il-qrar jekk ikollna xi dnubiet li hemm bżonn li jaħfrilna, u nersqu għat-tqarbin li fih inkunu tassew ħaġa waħda miegħu għax hu jiġi fina u aħna nkunu fih. 

    Hu jagħtina eżempju li aħna, in-nies tal-Mediterran, nifhmuh mill-ewwel. Fl-għelieqi tagħna bħal issa taraw id-dwieli li qed jarmu l-friegħi, u jekk Alla jrid, għal Settembru, ikollna dwieli mimlija għeneb li mbagħad nagħsruhom biex nagħmlu l-inbid. Imma f’Jannar, il-bidwi jkun żabarhom, neħħielhom ħafna zkuk żejda biex ikunu jistgħu jagħmlu friegħi qawwija ħafna u frott tajjeb.

    U Ġesù jieħu dan l-eżempju tad-dielja u jispjegalna li aħna, biex nagħmlu l-frott, biex ikollna ħajja sabiħa mimilija paċi, mimlija bil-ferħ li jagħtina, irridu nibqghu miegħu. Jekk aħna ninqatgħu minn miegħu, allura hu stess jgħid:  “Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; mbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu” (Ġw 15:6).  

    Issa kif nibqa’ ma’ Ġesù? L-ewwel ħaġa li Ġesù jsemmi hija l-Kelma tiegħu: “Intom ġa ndaf minħabba  l-kelma li għedtilkom” (Ġw 15:3). Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna u nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesù, neħduha bis-serjetà u nistaqsi: ‘Jiena din il-kelma qiegħed ngħixha?’ Meta ngħix il-Kelma ta’ Ġesù, Ġesù huwa fija.     

    Imma hemm ukoll il-misteru qaddis u kbir tal-Ewkaristija. F’dawn il-ġranet jien nibda nitlob ħafna għat-tfal li ser jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. Hawn xi ħadd hawnhekk li din is-sena ser jagħmel il-preċett? Nitolbu ħafna anke għall-ġenituri tagħhom. Għaliex? Għaliex dan huwa mument fejn intom se tirċievu lil Ġesù fil-qalb tagħkom bl-Ewkaristija u se tkunu ħaġa waħda miegħu.     

    Kemm hi ħaġa sabiħa li meta nikbru, anke meta nkunu żgħażagħ, nibqgħu nersqu lejn Ġesù mhux għax aħna babies imma għaliex għandna bżonnu. Illum Ġesù qed jinsisti magħna: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5). X’jiġifieri ma tista’ tagħmel xejn? Tista’ tagħmel ħafna affarijiet mingħajr Ġesù imma biex ikollok il-paċi tassew fil-qalb tiegħek trid tkun ħaġa waħda miegħu.

    Għalhekk illum nitolbu wkoll għal dawk li nhar ta’ Ħadd m’għadhomx jiġu l-Quddies u għaż-żgħażagħ li lill-ġenituri jgħidulhom: ‘Jiena xbajt niġi, mhux ġej iżjed’. Aħna nsellmulhom, nixtiquhom ikunu magħna, nitolbu għalihom, nagħmlulhom kuraġġ. Ma ndejquhomx! Lanqas l-isqof m’għandux dritt idejjaq lil ħadd! Inti tistieden u jekk l-invit iqattgħuh, ma jimpurtax, tibqa’ titbissem, jekk tista’. U anke Ġesù hekk jagħmel, mhux se jieħu ħafna għalih għax jaf jistenna, jaf jistenna meta jiġi l-waqt li għad nerġgħu nħabbtu fuq il-bieb tiegħu. Hu jiftħilna dejjem. Il-bieb tal-qalb ta’ Ġesù huwa bieb speċjali għax ma jissakkarx, dejjem imbexxaq. Ftakruha din: il-bieb tal-Qalb ta’ Ġesù huwa bieb speċjali, ma jingħalaq qatt, dejjem imbexxaq, mhux bħal tagħna, kultant aħna nagħlquh, le? Imma tiegħu le.     

    U nitolbu li aħna ma niddejqux, anke jekk inkunu tbegħedna, nersqu lejh u hu jilqagħna.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Atti 9, 26-31
    Salm: 21 (22), 26b-27.28.30.31-32
    Qari II: 1 Ġw 3, 18-24
    Evanġelju: Ġw 15, 1-8
    • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace