• Il-Knisja f’Malta se tlaqqa’ l-Assemblea Djoċesana, b’format ġdid din is-sena, nhar il-Ġimgħa 20 u s-Sibt 21 ta’ Novembru 2015, fil-Katekumenju, il-Mosta.

    Il-laqgħa tal-Ġimgħa filgħaxija, li tibda fis-6:45 p.m. se tiffoka fuq il-pastorali tal-familja. L-Isqof Mario Grech se jagħmel preżentazzjoni fid-dawl tal-esperjenza tiegħu fis-Sinodu tal-Isqfijiet.

    Is-Sibt fid-9:30 a.m., ir-Rev. Prof. Emmanuel Agius se jagħti preżentazzjoni tal-position paper ippreparata minn grupp ta’ esperti, rigward il-prokreazzjoni umana assistita. Wara, Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna se jispjega l-viżjoni għall-Knisja f’Malta, b’rabta wkoll mal-Ġublew tal-Ħniena. Fiż-żewġ laqgħat ikun hemm ħin għal interventi minn dawk preżenti.

    L-Assemblea tkun preseduta mill-Arċisqof. Għaliha jkunu mistiedna kemm il-membri tal-kunsilli l-aktar importanti tal-Knisja li jagħtu parir lill-Arċisqof, kif ukoll il-mexxejja u rappreżentanti mill-oqsma kollha tal-Knisja f’Malta. Fost dawn, id-delegati tal-Arċisqof, il-provinċjali tal-kongregazzjonijiet reliġjużi, il-kappillani u rappreżentanti lajċi mill-parroċċi kollha, il-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja u l-mexxejja tal-għaqdiet u l-movimenti Kattoliċi.

    Il-Ħadd, 22 ta’ Novembru 2015, se tiġi ċċelebrata l-festa liturġika ta’ Kristu Re b’Ċelebrazzjoni Djoċesana fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żabbar. Matul iċ-ċelebrazzjoni, li tibda fil-5:00 p.m., tingħad it-talba ta’ filgħaxija (l-għasar) u Mons. Arċisqof iwassal il-messaġġ tiegħu. It-tema għaċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-sena hi: “Kristu Sultan, ħenn għalina”. Wara t-talba ta’ filgħaxija, li tintemm bil-barka sagramentali, ikun hemm Quddiesa fl-istess Knisja.