L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-mistoqsija li smajna lil Ġesù jagħmel fl-Evanġelju llum għandha risposta ovvja. Jekk isemmi lil dan ir-raġel li liż-żewġ uliedu xtaq jibgħathom jaħdmu fl-għalqa tad-dwieli, u wieħed jgħidlu “arani sejjer” u ma jmurx, u l-ieħor jgħidlu “ma rridx” u jmur, hu ovvju li dak li mar għamel ir-rieda tal-missier. Għaliex mhux li tgħid li sejjer imbagħad ma tmurx, mhux li tparla, imma dak li tagħmel juri li tassew qed tagħmel ir-rieda tal-missier. Bil-Malti għandna dak il-qawl li jgħid: ‘bejn il-kliem u l-fatti, hemm baħar jikkumbatti’.
Nistgħu nifhmu ħafna dak li qal Ġesù, għax kultant fl-esperjenza tal-ħajja tagħna jiġri l-istess. Inħossu dan li qal Ġesù għax, pereżempju, ġieli tikkuntattja lil xi ħadd biex jagħmel xi biċċa xogħol id-dar u jgħidlek “ġej, ftit ieħor niġi” u ma jitfaċċax. U inti tgħid: mela għalxejn ftehimna? Jew inkella tikkuntattja lil xi ħadd għal xi biċċa xogħol u jgħidlek “iva, tiħux ħsieb” u int ma tiħux ħsieb u hu lanqas, għax ma jidhirx, qisek m’għedtlu xejn!
Hawnhekk Ġesù kien qed jgħid dan il-kliem lix-xjuħ u lill-qassisin il-kbar – il-kapijiet reliġjużi – għax ried jenfasizza li huma kienu mexjin hekk ma’ Alla: jgħidulu mod u jagħmlu mod ieħor. Jgħidu ħafna kliem sabiħ, imma mbagħad meta jiġu għall-fatti ma jagħmlux hekk, jew jagħmlu l-kontra. Għalhekk Ġesù jqabbilhom ma’ nies oħra li fil-bidu lil Alla rrifjutawh, imma mbagħad biddlu l-fehma tagħhom u għamlu dak li ried hu.
X’messaġġ jagħtina llum dan l-Evanġelju? L-ewwel nett jgħinna biex aħna neżaminaw lilna nfusna ħalli naraw jekk hux kultant ngħidu mod u nagħmlu mod ieħor; ngħidu affarijiet sbieħ imma mbagħad li nagħmlu ma jkunx jaqbel ma’dak li ngħidu.
Ħa nsemmi xi eżempji x’jista’ jiġrilna kultant.
Smajna fit-Tieni Qari, meta San Pawl jgħid lill-Filippin: “Kunu fehma waħda u mlewni bil-ferħ”. Jitkellem fuq l-għaqda. U aħna kultant ngħidu: kemm hi sabiħa li nkunu magħqudin u ngħixu fil-paċi bejnietna! Imma jista’ jiġri kultant li bil-kliem ngħidu hekk, imma b’li nagħmlu mod ieħor – pereżempju l-ġudizzju, il-kundanna tal-oħrajn, jew kliem li jweġġa’ lill-oħrajn. Inkunu aħna stess qed noħolqu diviżjoni fost in-nies, qed inweġġgħu lin-nies. Mod titkellem, u mod dak li tagħmel.
Insemmi eżempju ieħor: kemm hi sabiħa l-onestà, li timxi sew. Imma jista’ jiġri li filwaqt li ngħidu hekk, imbagħad meta tiġi l-okkażjoni, nirraġunaw: u iva, billi tqabbel fejn jaqbel, jew tieħu xi ħaġa, x’fiha? L-oħrajn hekk qed jagħmlu. Mod il-kliem, u mod dak li nagħmlu.
Fil-quddiesa, fil-Missierna ngħidu: “Aħfrilna bħalma naħfru”. Ngħidu li sabiħa l-maħfra, imma jista’ jiġri li f’mument minnhom xi ħadd jagħmlilna azzjoni ħażina u aħna nippruvaw nivvendikaw ruħna għal dak li għamlilna. Mod il-kliem, u mod dak li nagħmlu.
Li jikkundanna Ġesù hu li aħna jkollna dan l-istil ta’ ħajja fejn ngħidu mod u nagħmlu ieħor, u l-inqas problema; u lanqas nipprovaw naraw x’hemm ħażin, għax niġġustifikaw lilna nfusna f’dak li nagħmlu.
Għalhekk is-sejħa ta’ Ġesù hi biex aħna nagħmlu ħilitna li dak li ngħidu u dak li nemmnu jkun ukoll dak li nagħmlu f’ħajjitna. U biex aħna nagħrfu l-iżball tagħna meta ma nagħmlux hekk. Nixtieqkom tinnutaw id-differenza li jagħmilha dejjem Ġesù u jagħmilha wkoll f’dan l-Evanġelju. Aħna nafu li niżbaljaw, imma Alla jsejħilna biex meta nirrealizzaw li żbaljajna, nitolbu maħfra, inbiddlu l-fehma tagħna jew l-imġiba tagħna, u nerġgħu nagħmlu t-tajjeb mill-ġdid. Hawn l-enfasi fl-Evanġelju, anke fl-Ewwel Qari, qiegħed fuq li tibdel il-fehma jew li terġa’ lura meta tinduna li għamilt żball. Għalhekk aħna għandna s-sagrament tal-qrar li hu sagrament hekk sabiħ fejn Alla jaħfrilna u jerġa’ jħabbibna miegħu, u jagħtina l-qawwa biex nibdew mill-ġdid.
Altru hekk, u altru dak li qed jgħid Ġesù hawnhekk lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ meta jgħidilhom: intom issetiljajtu għal dan it-tip ta’ ħajja. Jiġifieri: li tgħidu mod u tagħmlu mod ieħor hu l-istil ta’ ħajja. Dak li qed jikkundanna Ġesù. Li aħna jkollna dan l-istil ta’ ħajja fejn ngħidu mod u nagħmlu ieħor, u l-inqas problema; u lanqas nipprovaw naraw x’hemm ħażin, għax niġġustifikaw lilna nfusna f’dak li nagħmlu. Għal dan qed jgħid Ġesù. Mhux meta aħna niżbaljaw u nitolbu maħfra, imma meta aħna nkunu tant mgħaddsin f’din il-ħajja li naċċettawha bħala stil ta’ ħajja.
Għalhekk it-talba li nixtieq nagħmel lil Alla llum hu biex hu jagħtina l-grazzja li dak li nagħmlu jkun jaqbel ma’ dak li ngħidu. Li fejn niżbaljaw, nitolbuh maħfra u nerġgħu lura għandu; fil-bidu tal-quddiesa, għedna dik it-talb sabiħa: “O Alla, int tagħtina xhieda tas-setgħa tiegħek bla tarf billi taħfrilna u tħenn għalina”. Nitolbuh li meta niżbaljaw, jaħfrilna u jħenn għalina, imma nitolbuh ukoll biex qatt ma niġġustifikaw ruħna fil-ħażen u naċċettaw il-ħażen bħala stil ta’ ħajja.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju