L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ħa noħodkom ftit lura fiż-żmien, meta Ġesù kellu 40 jum u l-ġenituri tiegħu ħaduh fit-tempju, skont il-Liġi, “biex jippreżentawh lill-Mulej” (Lq 2:22). Dakinhar kien hemm Xmun fit-Tempju u malli ra lil din it-tarbija, qal: “għajnejja raw is-salvazzjoni” (Lq 2:30). Imma waqt li sejjaħ lil din it-tarbija “d-dawl tal-ġnus, il-glorja ta’ Iżrael” (ara Lq 2:32), ħares lejn ommu u qalilha: “sejf jinfidlek ruħek” (Lq 2:35).
Xmun qal ukoll li din it-tarbija se tkun “sinjal li jmeruh” (Lq 2:34). U hekk ġara: Ġesù, għalkemm kien imsejjaħ id-dawl tal-ġnus u s-salvatur, kien ukoll “sinjal ta’ jmeruh” (Lq 2:34). Meta jitkellem dwar is-sejf ta’ firda li se jġib fid-dinja, ikunu qed iseħħu il-kliem ta’ Xmun. L-ikbar ċaħda ta’ Ġesù kienet meta, mingħajr ebda ħtija, ġie kkundannat għall-mewt. Meta Pilatu qiegħed lill-poplu quddiem l-għażla bejn Ġesù ta’ Nazaret u Barabba, hemm firda fil-qalb tal-poplu. Il-poplu għamel bħalma nagħmlu ħafna drabi aħna: għażel lil Barabba u lil Ġesù tawh il-mewt bla ħtija (ara Mt 27:15-31; Mk 15:6-20; Lq 23:13-25; Ġw 18:39-40).
Il-magħmudija ta’ Ġesù
Din hi wkoll il-magħmudija li dwarha jitkellem Ġesù (ara Lq 12:50). Qabel ma jitlob xi ħaġa minna, tajjeb nistaqsu: Ġesù din il-kelma iebsa kif għexha hu stess? Ġesù qatt ma jitolbok tagħmel xi ħaġa li hu stess ma għamilhiex l-ewwel. Jekk jgħidlek “aħfer lill-għedewwa” jew “ibqa’ fid-dritt anki jekk tissaporti l-persekuzzjoni”, hu għexhom l-ewwel.
Meta jitkellem fuq il-firda fil-familja, Ġesù mhux għax jixtiqha jew jippromoviha, imma biex iwissina. Ħafna drabi jkun hemm min is-sewwa ma jogħġbux minħabba l-interessi tiegħu. U int, jekk tibqa’ fis-sewwa, mhux bilfors se jfaħħruk jew iċapċpulek; xi drabi jiġri l-oppost.
Ġesù qed javżana: “Taħsbux li għax intom miegħi faċilment se jiġu jfaħħrukom. Jiġu wkoll il-mumenti meta minflok iċapċpuwielek – bħalma għamlu lili.”
Il-firda tas-sejf
Dan il-Vanġelu kien ta’ kuraġġ kbir għall-ewwel Insara. Għax l-Insara kienu bdew jiġu ppersegwitati, u l-persekuzzjoni kienet qed toħloq firda u inkwiet kbir fil-familji. Skont il-liġijiet tal-Imperu Ruman, jekk xi ħadd jakkuża lil xi ħaddieħor li hu Nisrani, dak awtomatikament jiġi kkundannat għall-mewt. Imma l-akkużatur kien jieħu l-proprjetà tiegħu.
Immaġinaw x’tentazzjoni: taf li s-sid tiegħek hu Nisrani, u tgħid: “Din l-opportunità tiegħi. Nakkkużah, jinqatel, u jien nieħu l-flus.” Ara x’kunflitti, x’firda, x’dilemmi kienu jinħolqu! U dawn l-affarijiet, l-aħwa, għadhom jiġru sal-lum.
Inħobb infakkar f’dawk il-21 ħaddiem Kopti mill-Eġittu li kienu jaħdmu fil-Libja fil-kostruzzjoni – mastrudaxxi, bajjada u plumbers. F’Frar tal-2015, l-Istat Iżlamiku qabadhom u tahom l-għażla: Jew isiru Musulmani jew joqtluhom. Ir-risposta tagħhom kienet waħda ċara u sħiħa: “Aħna lil Ġesù ma niċħduh qatt!” U qatluhom, ħanxrulhom għonqhom fil-baħar li fih aħna ngħumu fih. Il-Baħar Mediterran hu mċappas bid-demm tal-martri, bid-demm ta’ nies li fehmmu xi jfisser li tkun ta’ Ġesù.
Ġesù jgħid: “Jien ġibt is-sejf.” Din il-kelma mhix kontra l-paċi, imma tfisser li l-Kelma tiegħu tidħol fil-fond, bħal sejf li jolqot il-laħam il-ħaj. Għandna wkoll espressjoni sabiħa bil-Malti: “daħlet fil-laħam il-ħaj.” Hekk hi l-Kelma ta’ Ġesù: tisma’ kelma u tħossha tniggżek, għax hi għalija u għalik.
Imma bħal kirurgu li juża s-sikkina biex jaqta’ u jfejjaq, hekk ukoll is-sejf ta’ Ġesù. Mhux biex joqtol, imma biex ifejjaq. Jidħol fil-fond u jweġġa’ fil-bidu, imma biex jagħti l-fejqan u l-ħajja.
In-nar ta’ Ġesù
Ġesù jgħid: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad” (Lq 12:49). Imma Ġesù jifhem ukoll li dan in-nar għandu prezz: “Hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed” (Lq 12:50).
Xi tfisser din il-magħmudija? Mhux dik ta’ Ġwanni fil-Ġordan. Din hi magħmudija oħra – l-immersjoni totali fit-tbatija li Ġesù kellu jgħaddi minnha. Fil-lingwa Griega, baptizo tfisser propju full immersion. Ġesù kien jaf li kellu jidħol minn rasu sa saqajh fit-tbatija biex jagħtina n-nar tal-Ispirtu. U għalhekk jgħid b’dik it-tbatija interjuri: “X’diqa għandi sa ma dan iseħħ!” (Lq 12:50).
Aħna nifhmuh: bħalma xi ħadd ikollu xi eżami jew xi operazzjoni li jrid jgħaddi minnha – ma tixtieqx tagħmilha, imma taf li trid. Għax hekk biss tgħaddi. Hekk ukoll Ġesù: kien jaf li din il-magħmudija totali fit-tbatija kienet il-prezz biex ixandar id-don tan-nar.
X’inhu dan in-nar? Ħarsu lejn il-perspettiva sabiħa ta’ din il-knisja, immudellata fuq dik li kien bena Wignacourt fis-seklu 17: fuq għandna l-Ispirtu s-Santu, u bħal ħuġġieġa ta’ San Pawl. Żewġ elementi tan-nar.
Il-qaddisin, meta jfittxu jifhmu x’ried jgħid Ġesù meta qal: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art” (Lq 12:49), jgħidu li Mhux nar li jeqred jew jaħraq il-foresti. Hu n-nar li jippurifika u jħeġġeġ bl-imħabba. Għalhekk il-qaddisin tal-Knisja fehmuh bħala d-don tal-Ispirtu s-Santu.
Tant hu hekk, li l-istess San Luqa — li kiteb iż-żewġ kotba, il-Vanġelu u l-Atti tal-Appostli — jkompli l-istorja tal-preżenza ta’ Ġesù fil-Knisja tiegħu. Fil-bidu tal-Atti naraw in-nar tal-Ispirtu s-Santu f’Pentekoste, meta deher fuq id-dixxipli bħal ilsna tan-nar. U fit-tmiem tal-istess ktieb, fil-kapitlu 28, insibu wasla ta’ San Pawl fostna, hawn Malta, u n-nar tal-ħuġġieġa li qabbdu l-Maltin biex jilqgħuh u jħarsu lejh.
Mela l-ktieb jibda bin-nar tal-Ispirtu s-Santu u jispiċċa bil-ħuġġieġa ta’ Malta – żewġ nirien, wieħed ta’ fidi u l-ieħor ta’ akkoljenza.
It-tliet immaġini
Il-Kelma ta’ Ġesù tagħtina kuraġġ. Hemm tliet tixbihat importanti: (i) in-nar (li jqabbad bl-imħabba u jippurifika); (ii) il-magħmudija (immersjoni totali fit-tbatija, kemm psikika, morali, spiritwali u fiżika); u (iii) is-sejf (li jifred bejn it-tajjeb u l-ħażin).
Ħafna drabi biex tibqa’ fis-sewwa jkollok tagħmel l-għedewwa. It-tentazzjoni tagħna tkun li nibqgħu siekta: “Kulħadd jagħmel hekk; mhux kulħadd jgħid il-verità; aħjar niskot u ngħix ħajja komda. Aħjar ma tgħid xejn biex ma jpoġġux ħama fuqek fuq is-social media.”
L-ewwel qari tal-lum (ara Ġer 38:4-6,8-10) kien dwar il-Profeta Ġeremija, li għaliex tkellem f’isem Alla, poġġewh ġo bir u mgħaddas kollu fil-ħama minħabba li qal il-verità. Kien għalhekk li dan qari fakkarni f’min illum, għax jgħid il-verità, bil-kummenti kiefra fuq is-social media jgħoddsuh fil-ħama!.
Imma meta qrajt l-ewwel qari, Ġeremija, il-profeta ta’ Alla, ġie poġġut fil-bir u għados fil-ħama minħabba li qal il-verità. Kien jaf li min jgħid il-verità jista’ jkun attakkat, kkummentat b’mod ħażin, jew “għodos fil-ħama.”
Min jista’ jifhem, ħa jifhem. Imma l-Mulej għandu l-aħħar kelma, u għal dan nirringrazzjawh.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-Quddiesa
Qari I: Ġer 38:4-6,8-10
Salm: 39(40):2,3,4,18
Qari II: Lhud 12:1-4
L-Evanġelju: Ġw 10:27