L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Morru fid-dinja kolha xandru l-Bxara t-Tajba” (Mk 14:15). Dan il-kmand li Ġesù jagħtina joqgħod ħafna għalikom, għeżież Karl Andrew u Malcolm, intom u tirċievu mingħand il-Knisja din is-sejħa li fil-laqgħat tagħha, fil-laqgħat tal-ġemgħa taqraw il-Kelma ta’ Alla u xxandruha b’ħajjitkom. U qegħdin tirċievu dan id-don: il-ministeru tal-Lettorat, propju aħna u nibdew u niċċelebraw f’dan il-katidral is-solennità tal-konverżjoni tal-Appostlu Missierna filwaqt li qed niċċelebraw il-jum li fih infakkru lil min laqa’ lil Pawlu, lill-protos ta’ din il-gżira li kien jismu Publiju.
L-Appostlu Missierna, m’hemmx kelma li qalilna u li nsibuha fl-Atti tal-Appostli, f’dawk l-10 versi li għandna fil-kapitlu 28. Għandna l-ġesti tiegħu: l-id li tfarfar il-lifgħa għal ġon-nar (Atti 28:5), l-id li jqiegħed fuq missier Publiju u jfejqu (Atti 28:8). Imma San Ġwann Kriżostmu jinsisti li wara li fejjaq il-morda kollha tal-gżira, ma setax ikun ma jħabbrilhomx min hu dan l-isem daqshekk qawwi li jġib il-fejqan. Għax l-Appostlu Missierna laqqgħana ma’ Ġesù, mhux miegħu nnifsu. Forsi tajjeb nitolbuh din il-grazzja llum: li meta naqraw il-Kelma ta’ Alla u niftħuha quddiem il-poplu, ma nkunux aħna, l-ego tagħna li jidher, imma l-Kelma ta’ Alla, il-qawwa ta’ Alla.
Ħaġa oħra li tolqotni fir-rakkont tal-konverżjoni tal-Appostlu Missierna hu l-fatt li l-Mulej jirreferih kontinwament għall-familja tiegħu, għall-Knisja. Anke fl-ewwel domanda: “għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 9:4), Pawlu qed jippersegwita lill-familja ta’ Ġesù, lill-Knisja imma Ġesù jeħodha personali ħafna: “Għaliex qiegħed tippersegwitani? Jiena Ġesù ta’ Nazaret li int qiegħed tippersegwitah” jerġa’ jinsisti Ġesù. “Min int?” “Jiena Ġesù ta’ Nazaret li int qiegħed tippersegwitah”. “X’għandi nagħmel?” “Qum u mur Damasku, hemm jgħidulek kulma għandek tagħmel” (Atti 9:5-6). Ġesù ma jgħidlux. Ir-risposta tiegħu hi: “Mur u jgħidulek”. Qed tippersegwitani veru, imma l-Knisja se tgħidlek x’għandek tagħmel. U fl-istess ħin il-Mulej jaħdem fuq Ħananija – ismu jfisser Alla ħanin – biex jiltaqa’ ma’ Pawlu u jagħtih il-veru dawl.
“Billi ma stajtx nara minħabba d-dija ta’ dak id-dawl jiddi f’nofsinhar fit-triq ta’ Damasku, mexxewni minn idi dawk li kienu miegħi” (ara Atti 9:8). Tolqotni ħafna din il-frażi fir-rakkont li għamel l-Appostlu Missierna “mexxewni minn idi dawk li kienu miegħi”. Naħsbu ftit fuqha din il-kelma “mexxewni minn idi dawk li kienu miegħi”. Mhux hekk għandna nagħmlu aħna għal xulxin f’din it-triq li nimxu flimkien, din is-sinodos? “Mexxewni minn idi dawk li kienu miegħi”.
Għeżież Karl Andrew u Malcolm, intom u tirċievu mingħand il-Knisja din is-sejħa li fil-laqgħat tagħha, fil-laqgħat tal-ġemgħa taqraw il-Kelma ta’ Alla u xxandruha b’ħajjitkom
“Sawl hija ħu d-dawl” (ara Atti 9:17). Ħananija jaf min hu Pawlu jew Sawlu, jaf ukoll li x’aktarx kien qed ifittxu; Ħananija kien wieħed minn dawk li kellu l-mandat li jarresta. Imma mdawwal mill-ħniena ta’ Alla, Ħananija lil Sawlu jgħidlu: “Ħija, hu d-dawl”.
Nieqfu naħsbu ftit fuq dawn l-elementi li l-Appostlu Missierna stess jirrakkonta dwar il-konverżjoni tiegħu, konverżjoni lejn il-ħniena ta’ Alla, hu li kien, kif jgħid u kif smajna fit-tieni qari, “imġennen kif kont għat-tradizzjonijiet ta’ missirijietna” (Gal 1:14). Din mhix ħaġa ta’ żmienu biss, għandna ħafna li għadhom forsi meħudin minn dan il-ġenn tat-tradizzjoni li mbagħad iwaqqafna milli nifhmu li dak kollu suppost iwassalna lejn il-ħniena ta’ Alla, mhux lejn il-ġebel li ngaraw lil xulxin.
“Dak li għażilni minn ġuf ommi u sejjaħli permezz tal-grazzja tiegħu” (Gal 1:15), jifhem li ma sejjaħlux permezz tal-liġi u t-tradizzjonijiet, sejjaħlu permezz tal-grazzja, “għoġbu jirrivelali lil Ibnu biex inħabbru fost il-ġnus” (Gal 1:16) fosthom aħna. Għax il-konverżjoni tal-Appostlu Missierna hi l-bidu tal-konverżjoni tagħna. Għax illum il-Mulej, permezz tal-ħniena tiegħu isejjaħ lil dan ir-raġel ta’ talenti kbar biex ixandru, biex ixandar ’l Ġesù lill-ġnus, fosthom aħna.
Tajjeb nitolbuh din il-grazzja llum: li meta naqraw il-Kelma ta’ Alla u niftħuha quddiem il-poplu, ma nkunux aħna, l-ego tagħna li jidher, imma l-Kelma ta’ Alla
Nawguralkom, għeżiez Karl Andrew u Malcolm biex intom u tirċievu l-ministeri tal-Lettorat minn idejn il-Knisja llum tifhmu li l-Kelma ta’ Alla mhix ġebla li tgara imma bieb miftuħ li twassal lil kull bniedem, lil kull persuna biex tiltaqa’ ma’ Alla ħanin li jaf, li jagħder, li jħobb u li jieħu paċenzja.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 22: 3-16
Salm: 116: 1,2
Qari II: Gal 1:13-24
L-Evanġelju: Mk 16:15-18