Ritratt: DOI – Kian Bugeja

Il-Kunvent ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta se jinbidel f’Ċentru ta’ Interpretazzjoni tal-Komunità. Il-proġett ta’ restawr f’dan il-kunvent wasal fl-aħħar fażi tiegħu.

Il-proġett se jiswa total ta’ €2.3 miljun, li €1.5 miljun minnhom ġejjin mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali. Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi żar dawn ix-xogħlijiet u spjega li dan il-proġett qed jitmexxa mill-Fondazzjoni Soċjokulturali Ambjentali Agustinjana (FSKAA). 

Is-Segretarju Parlamentari qal li permezz ta’ dawn il-fondi l-wirt kulturali tal-gżejjer Maltin qed ikun ikkonservat permezz tar-restawr li qed isir.

Il-proġett jinkludi r-restawr u l-konservazzjoni tal-erba’ faċċati tal-kunvent, it-tħaffir ta’ parti mill-bitħa u l-installazzjoni ta’ lift li jkun aċċessibbli għal kulħadd. Dan ix-xogħol se jkun qed isir bil-għan li din il-binja tiġi żviluppata f’ċentru soċjali u komunitarju li tintuża mill-komunità kif ukoll mit-turisti. 

Id-Direttur tal-Fondazzjoni Malcolm Borg qal li dan il-proġett bħalissa wasal fit-tielet u l-aħħar fażi. Din il-fażi se tindirizza l-għeluq tax-xogħol fil-faċċati u dak tax-xogħol intern li jinkludi; l-imħażen, il-kunvent u l-kjostru. 

Il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin, Patri Alexander Cauchi qal li, “grazzi għal dawn il-fondi Ewropej stajna nagħmlu r-restawr tal-erba’ faċċati u ta’ partijiet mill-intern tal-kunvent li fi żmien il-gwerra kienu ntlaqtu u kienu ttranġaw biss b’mod temporanju, imma l-bqija tar-restawr ma kienx seta’ jsir minħabba problemi finanzjarji.”

Dan il-proġett hu mistenni li jkun lest f’Marzu 2022.

Sors: Newsbook.com.mt