Albert Debono, il-Kap tat-Taqsima tad-Djakonija fi ħdan l-NGO Caritas Malta, qal li l-kontejner bl-għotjiet tal-Maltin għall-poplu Ukren hu kważi mimli u l-unika donazzjonijiet li jifdal huma dawk tal-kumpaniji.

F’kumment ma’ Newsbook.com.mt, Debono, spjega li permezz tal-Koperattiva LOOP li tkopri l-Kummissjoni Migranti, Caritas Malta, l-Uffiċċju tad-Djakonija u numru ta’ parroċċi lokali, sar kuntatt mal-Caritas fl-Ukrajna li nediet lista ta’ affarijiet li kellha bżonn.

“Għamilna sejħa fost ħames parroċċi (Marsaskala, in-Naxxar, Pembroke, il-Qawra u l-Imqabba) u s-Sibt li għadda kellna sitt sigħat ta’ ġbir tal-affarijiet li kellha bżonn il-Caritas,” kompla Debono li żied li l-parroċċi kienu qed jirrappreżentaw il-parroċċi kollha ta’ Malta.

Id-donazzjonijiet tpoġġew ġo kaxex li jinsabu ġo kontejner li se jitwassal fl-aktar parroċċa li tinsab qrib il-fruntiera Ukrena biex Caritas Ukraine tkun tista’ tieħu l-kontejner fil-pajjiż.

Agħfas hawn biex tara l-intervista ma’ Albert Debono.