L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin…”. Hekk jgħid Ġesù fil-bidu u fl-aħħar ta’ din is-silta qasira mill-Evanġelju skont San Ġwann. Hawnhekk qiegħed fid-diskors tal-Aħħar Ċena. Qed jagħmel din l-enfasi li dan hu l-kmandament tiegħu: “Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin”.
Forsi domanda li nagħmlu hi: kif jista’ jikkmanda l-imħabba? Kif tista’ tikkmanda lil xi ħadd biex iħobb? Qisha kontra xulxin li tisforza lil xi ħadd biex iħobb! Kif inhu dan il-“kmandament” ta’ Ġesù? Li qed jgħid Ġesù hawnhekk hu li għalina li aħna dixxipli tiegħu, li nħobbu mhijiex ‘optional’ – jiġifieri tista’ tagħżel li tħobb jew tagħżel li tobgħod, u tgħid “jien dixxiplu ta’ Ġesù, imma għażilt li nobgħod flok li nħobb”. Ma tistax! Mhijiex għażla li tista’ tagħmel b’dak il-mod. Għalhekk qed jenfasizza dan il-kmandament, jiġifieri li hi ħaġa essenzjali għalina bħala dixxipli ta’ Ġesù – li jkollna verament l-imħabba lejn l-oħrajn.
Ġesù jgħidilna: “kif ħabbejtkom jien”. Tana hawnhekk il-kejl, il-kriterju ta’ x’jiġifieri l-imħabba. Jispjega aktar: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu”. L-imħabba hi din l-għotja. Nafu li Ġesù lilna jgħoddna bħala ħbiebu – mhux mertu tagħna imma mertu tiegħu – u għalina ta ħajtu u wriena x’jiġifieri din l-imħabba. L-imħabba li tfisser għotja. L-imħabba tfisser li ma tiġbidx lejk, jew tuża lill-oħrajn għall-iskopijiet tiegħek, imma li tingħata.
Aħna nafu li meta nħarsu lejn Ġesù msallab għandna l-milja ta’ din l-imħabba. Hemmhekk naraw proprju kif “ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu…” – Ġesù fuq is-salib. Imma nafu li mhux biss fil-mewt tiegħu, imma fil-ħajja tiegħu wriena x’jiġifieri. Meta jgħid “kif ħabbejtkom jien”, jekk inħarsu lejn il-ħajja tiegħu u naraw kif ġieb ruħu Ġesù u l-attitudni tiegħu lejn in-nies, hemmhekk għandna ħafna x’nitgħallmu. Hemmhekk nitgħallmu li l-imħabba tfisser li trid il-ġid lill-oħrajn, li tnissel fl-oħrajn il-paċi u l-ferħ, li tieqaf mal-oħrajn fit-tbatija tagħhom, speċjalment ma’ dawk li għaddejjin minn tbatija kbira, dawk li huma vulnerabbli. L-imħabba tfisser li fejn hemm bżonn taħfer, ma żżommx f’qalbek, ma żżommx mibegħda f’qalbek lejn l-oħrajn. L-imħabba li wriena Ġesù hi l-imħabba lejn kulħadd, jiġifieri mhux tagħżel – lil dan inħobbu u lil din nobgħodha – imma hi l-imħabba li tinfetaħ lejn kulħadd. Hi din l-imħabba li lilna tagħmilna nixbhu tassew lil Ġesù.
Dan hu l-messaġġ li jagħti lilna: biex ikollna din l-imħabba f’qalbna. Bħalma ħabbna hu, inħobbu aħna wkoll lil xulxin. Issa nafu li din mhix faċli – altru tgħidha bil-kliem, u altru fil-prattika. U nafu kif fil-ħajja tagħna kultant ikollna sentimenti ta’ għira, ta’ mibegħda, ta’ vendetta. Imma Alla tana din il-qawwa li ma nħallux lil dawn jikkmandawna, biex nimxu mal-kmandament tiegħu li nħobbu lil xulxin. Għax fl-aħħar mill-aħħar l-imħabba li hi rebbieħa. Hi l-imħabba li fina li nħobbu ġġib il-paċi u l-ferħ, u tnissel ukoll fl-oħrajn il-paċi u l-ferħ.
Nitolbu llum lill-Mulej biex jimlielna ħajjitna bl-imħabba tiegħu, jgħinna ħalli naqsmu din l-imħabba mal-oħrajn, b’mod li l-ħajja tagħna – kif semma Ġesù fl-Evanġelju – tagħmel il-frott u l-frott tagħna jibqa’.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju