Mons. Hector Scerri ppubblika ktieb bl-isem ‘Chiesa, Vieni Fuori’ li jitratta riflessjoni dwar il-Knisja li reġgħet inġabret mill-ġdid.

Waqt it-tnedija ta’ żewġ kotba, wieħed tiegħu u l-ieħor ta’ Mons. Alfred Xuereb dwar l-esperjenza tiegħu mal-Papa Benedittu XVI fir-Refettorju tal-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, Scerri qal li l-Knisja nġabret mill-ġdid wara li għaddiet “minn dak li nsejħulu eżilju eżistenzjali.”

Kompla li “fid-dawl tal-kelma ta’ Alla anki f’dak li nsibu fil-kotba ta’ Neħemija u Eżra hija l-Knisja li tinġabar mill-ġdid kif għamlu l-profeti fit-testment il-qadim li ġabru l-Knisja mill-ġdid”.

Spjega wkoll li f”dan il-ktieb “nitkellem ukoll dwar knisja li hija bħal sptar tal-kamp tal-battalja, kif spiss iffakkarna l-Papa Franġisku li l-knisja hija qrib il-persuni li qegħdin ibatu”.

“Hu għalhekk li l-Knisja tkun preżenti fuq il-kamp tal-battalja biex idewwi permezz tal-balzmu tal-kelma, anki tal-ħniena ta’ Alla lil dawk li qegħdin ibatu u li għandhom bżonn tant appoġġ fi żminijiet tal-lum.”

Sors: Newsbook Malta