L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Korożajn, Betsajda u Kafarnahum huma tlett ibliet li Ġesù jsemmi fl-Evanġelju llum skont San Luqa. Kienu bliet in-naħa ta’ fuq tal-baħar tal-Galilija – Betsajda u Kafarnahum mal-baħar, u Korożajn ftit ’il fuq. Huma bliet marbuta mal-ministeru ta’ Ġesù. Għalkemm Korożajn ma tissemmiex ħlief hawn, imma Betsajda – il-kelma tfisser id-dar tas-sajd – kien il-post minn fejn ġew tlieta mill-appostli ta’ Ġesù: Filippu, Indri u Pietru. Hemmhekk Ġesù kien imur kultant, iwassal il-kelma, kif ukoll jagħmel is-sinjali. U Kafarnahum kien l-iktar post minn dawn it-tlieta li Ġesù mar fih, għamel xi żmien hemm, qagħad hemm, u hemmhekk kien imur ukoll jippriedka fis-sinagoga u kien ukoll jagħmel diversi sinjali.
Ġesù ma jitkellimx tajjeb fuq dawn it-tlett ibliet, anzi jgħid kliem iebes. Jgħid “Ħażin għalik” (Lq 10:13) lil Korożajn u lil Betsajda; u lil Kafarnahum jgħid: “Taħseb li se togħla sas-sema? Sa ġol-qiegħ għad tinxteħet” (Lq 10:15). Għaliex Ġesù jitkellem b’dal-mod fuq dawn it-tlett ibliet? X’kienet ir-raġuni? Għaliex dawn kienu bliet fejn in-nies semgħu lil Ġesù jgħallem u ma tawx każu, imma raw ukoll is-sinjali hemmhekk, u kien għalxejn. Per eżempju, f’Kafarnahum fejn kien ċentru tal-ministeru tiegħu, Ġesù ta d-dawl lil min kien għama, fejjaq il-morda, għamel diversi sinjali – u kien kollu għalxejn. U għalhekk Ġesù jitkellem bi kliem iebes fuq dawn it-tlett ibliet.
Biex jenfasizza dan, Ġesù jsemmi wkoll żewġ bliet oħra, lil Tir u Sidon, li kienu bliet pagani u li jissemmew fit-Testment il-Qadim. Il-profeti kienu jgħidu ħafna kontra dawn iż-żewġt ibliet, għax kienu meqjusin ħżiena. U Ġesù jgħid: il-ġudizzju għalikom – Korożajn, Betsajda u Kafarnahum – ikun aktar iebes milli għal dawn it-tnejn.
Ġesù jiġbed il-konklużjoni minn dan, meta jgħid fl-Evanġelju lid-dixxipli: “Min jisma’ lilkom ikun jisma’ lili, u min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili” (Lq 10:16). Qed jgħid Ġesù li aħna għandna dejjem għażla. L-għażla hija jew li nisimgħuh, u nimxu mal-kelma tiegħu, jew li nwarrbuh, u ma tkun tfisser xejn għalina l-kelma tiegħu. Din l-għażla ma nagħmluhiex darba f’ħajjitna, imma nkomplu nagħmluha kontinwament fil-ħajja tagħna.
Hawn qed jgħid ħaġa li ta’ min jirrifletti fuqha. Ġesù qed jgħid li jekk aħna nimxu mal-kelma tiegħu, u nisimgħuha u nagħmlu ħilitna biex inwettquha f’ħajjitna, aħna li mmorru minn fuq. Lilna tagħmlilna l-ġid. Aħna li mmorru aħjar, ħajjitna tkun ħafna aħjar. Mill-banda l-oħra, jekk aħna nwarrbu l-kelma tiegħu, jew nisimgħuha u jkun għalxejn għax nagħmlu kontra dak li nisimgħu, aħna li mmorru minn taħt. Dil-kelma ma tkun tfisser xejn għalina, u allura aħna li mmorru ħażin. Mhuwiex hu. Fil-fatt, hawn Ġesù jgħid: “Ħażin għalik” meta qed jindirizza lill-ibliet. X’jiġfieri? Ġesù ma jgħidx: ħażin għalija għax ġejt hemmhekk, qgħadt nippriedka, u kien kollu għalxejn magħkom, ħlejt il-ħin. Ma jgħidx: ħażin għalija għax ġejt hemmhekk, għamilt is-sinjali u ma tajtux każ. Ma jgħidx hekk Ġesù. Jgħid: ħażin għalikom għax ma tajtux każ. Mhuwiex Alla li jmur minn taħt jekk aħna ma nisimgħux il-kelma tiegħu, imma aħna li mmorru minn taħt; u mhuwiex Alla li jmur minn fuq jekk aħna nisimgħu l-kelma tiegħu, imma aħna li mmorru aħjar.
Fl-Akklamazzjoni tal-lum qabel l-Evanġelju, għedna: “Illum la twebbsux qalbkom, iżda isimgħu leħen il-Mulej” (ara Salm 95:8). Nagħmlu din it-talba lill-Mulej; nitolbuh biex aħna nisimgħu l-kelma tiegħu, nilqgħuha u nagħmlu ħilitna biex ngħixuha fil-ħajja tagħna, għax konvinti li din tagħmlilna l-ġid. Nitolbuh ukoll biex meta nonqsu f’dan, minħabba d-dgħufija tagħna, nerġgħu nduru lejh ħalli hu jagħtina l-qawwa ngħixu l-kelma tiegħu, għax nafu li bis-saħħa ta’ hekk, ħajjitna tkun tassew sabiħa.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju