L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Dan l-aħħar rajt xi ftit kummenti li kultant issib online fuq il-mezzi soċjali dwar il-Knisja, speċjalment meta jqumu ċerti kwistjonijiet partikulari diskussi fis-soċjetà. Kien hemm, pereżempju: “il-Knisja antikwata”, “il-Knisja m’għandhiex iddaħħal rasha fir-ramel”, “il-Knisja trid taċċetta r-realtà”, “il-Knisja trid taċċetta li ż-żminijiet illum inbidlu, u għalhekk timxi maż-żminijiet” – u kummenti simili.
Hu veru, kif turina l-Istorja, li hemm bżonn dejjem aġġornament fil-ħajja tal-Knisja, speċjalment fil-ħidma pastorali tagħha; u dan sar, u qed isir, u hemm bżonn dejjem li jsir aktar. Speċjalment ukoll biex il-Knisja tkun ippurifikata minn dak li jfixkilha fil-missjoni tagħha.
Imma nnutajt li kultant, fejn jidħlu dawn il-kummenti, mhijiex kwistjoni tal-ħidma pastorali tal-Knisja, imma ta’ dak li hu t-tagħlim essenzjali fil-ħajja tal-Knisja. Jekk hemm ħafna bżonn ta’ aġġornament tul is-snin, hemm ukoll bżonn kbir li fil-ħidma tagħha, il-Knisja – aħna lkoll – nibqgħu dejjem ngħixu b’fedeltà dak li Ġesù għallimna. Ma nistgħux aħna nagħżlu minnu jew, biex ngħid hekk, inlaħalħuh biex jidher aktar aċċettabbli. Imma għandna nkunu dejjem fidili lejn dak li Ġesù għallimna.
Telquh u ma baqgħux imorru warajh
L-Evanġelju ta’ llum jurina dan, meta għax Ġesù tkellem fuq l-Ewkaristija u għax tkellem b’mod ċar, kien hemm ħafna dixxipli li qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?” U wara ftit li qalu hekk, l-Evanġelju jgħid: “Minn dakinhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh.”
X’kienet ir-reazzjoni ta’ Ġesù? Kieku Ġesù l-ewwel skop tiegħu kien li jżomm in-nies miegħu, kien jgħid: għamilt żball tkellimt hekk, ċerti affarijiet aħjar ma ngħidhomx jekk se jurtaw ruħhom, aħjar ngħid dak li n-nies jixtiequ jisimgħu biex in-nies jibqgħu miegħi. Imma Ġesù ma għamilx hekk. L-Evanġelju jgħid, anzi, li wara li telquh dawn id-dixxipli, dar fuq it-tnax u qalilhom: “Tridux titilqu intom ukoll?” Qalilhom hekk mhux għax riedhom jitilqu, jew għax kien kuntent li l-oħrajn telqu, imma għamlilhom hekk bħala challenge, biex jurihom li l-ħajja Nisranija hi għażla, u jridu jagħżlu li jimxu warajh, u għalhekk iridu jġeddu din l-għażla tagħhom.
Lil min se nagħżlu?
Kemm hu hekk narawh illum fl-ewwel qari, meta Ġożwè jiġbor in-nies minn tribujiet differenti u jgħidilhom: agħżlu intom, jew timxu wara l-idoli ta’ nies oħra jew dawk li kontu tqimu qabel intom fil-passat, jew agħżlu li tqimu l-Mulej. Huma għamlu għażla: ma jkun qatt li nħallu lill-Mulej, imma rridu nimxu warajh għax hu Alla tagħna. Din hi l-għażla li għamlu n-nies meta Ġożwè għamlilhom din l-istedina biex jagħżlu.
L-istess jagħmel Ġesù. Lilna jgħidilna biex nagħżlu li nkunu tassew Insara. Hi għażla ċara – Ġesù qatt ma kien joqgħod jomgħod il-kliem. Hi għażla libera – li rridu nagħmluha aħna, ħadd mhu se jagħmilha għalina. U hi għażla li kultant tfisser sagrifiċċju, u li aħna ma nimxux bilfors max-xejriet taż-żmien. Din ilha minn żmien Ġesù. Hekk kienet sa mill-bidu nett. Dik is-sentenza ta’ swied il-qalb “minn dakinhar bosta mid-dixxipli telquh” tibqa’ tirrepeti ruħha.
Hi għażla li titlob sagrifiċċju, f’dan is-sens: irridu nkunu lesti nagħżlu dak li ħaddieħor mhux qed jagħżel. Pereżempju, jekk Ġesù jgħidilna li rridu nkunu onesti fil-ħidma tagħna, anke jekk ħaddieħor qed jagħmel differenti, dik hi l-għażla li rridu nagħmlu. Jekk jgħidilna li għandna naħfru u mhux nivvedikaw ruħna għal azzjoni ħażina li rċevejna, jista’ jkun li nħossuh “iebes dan il-kliem”, imma dik hi l-għażla li rridu nagħmlu. Jekk jgħidilna li rridu nirrispettaw lil kull persuna, hi ta’ liema razza hi, u ta’ liema kulur tal-ġilda hi, u minn fejn hi, għax kull persuna hi xbieha tiegħu, dik hi l-għażla li rridu nagħmlu. Jekk Ġesù jgħidilna li għandna nirrispettaw il-ħajja ta’ kull bniedem, sa mill-ewwel mument tat-tnissil, jiġifieri meta hemm diġà xi ħadd u mhux xi ħaġa, dik hi l-għażla li rridu nagħmlu. Għalhekk, Ġesù lilna jistedinna li nagħmlu għażla, l-għażla li nimxu warajh. Din iġġibilna f’qalbna ħafna paċi u ferħ, anke jekk tkun differenti mill-oħrajn. Aħna responsabbli għall-għażla tagħna, mhux għal dak li qed jagħmel ħaddieħor li jkun differenti minna.
[Ġesù] jgħidilna biex nagħżlu li nkunu tassew Insara. Hi għażla ċara – Ġesù qatt ma kien joqgħod jomgħod il-kliem. Hi għażla libera – li rridu nagħmluha aħna, ħadd mhu se jagħmilha għalina.
Mill-konvenjenza għall-konvinzjoni
L-istedina li qed jagħmilhielna Ġesù hi li nagħżlu lilu u nimxu warajh. Irridu nagħmlu dejjem dik il-mixja minn “fidi” ta’ konvenjenza għal fidi ta’ konvinzjoni. Konvenjenza tfisser li nagħmel hekk għax jaqbilli, jew għax hekk drajt, dejjem hekk għamilt. Konvinzjoni tfisser li nagħraf dak li hu veru, u għalhekk inkun konvint mill-fidi tiegħi u li nimxi warajh.
Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li aħna nwieġbu bħalma wieġeb Pietru: “Mulej, għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem. U aħna emminna u għarafna li int il-Qaddis ta’ Alla.”
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju