L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Huma xegħlu bil-korla” (Lq 6:11). Din kienet ir-reazzjoni tal-kittieba u l-Fariżej wara li Ġesù fejjaq lil dan ir-raġel li kellu idu niexfa, u idu reġgħet saritlu qawwija u sħiħa.
Ma xegħlux bil-korla għaliex Ġesù fejqu, imma għax fejqu f’Jum is-Sibt. Kienu diġà qegħdin jaraw minn qabel, qisu qalbhom ħebrithom li Ġesù kien se jagħmel xi waħda f’Jum is-Sibt. Kienu qegħdin moħħhom fih biex jaraw x’se jagħmel. U Ġesù, li jagħraf il-moħħ u l-qalb, induna b’dan.
Kien Ġesù nnifsu li għamlilhom dil-mistoqsija: “X’jiswa nhar ta’ Sibt? Tagħmel il-ġid jew id-deni? Issalva ħajja jew teqridha?” (Lq 6:9) B’dal-mod Ġesù wera x’kien l-aktar importanti. Ma kienx hemm tweġiba min-naħa tagħhom. Imma Ġesù ma kkonvinċihomx. Hawnhekk jgħid li “xegħlu bil-korla”, għaliex Ġesù mhux l-ewwel darba li qalhielhom din. Kien qalilhom: “intom twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħarsu t-tradizzjoni tal-bnedmin” (Mk 7:8). Hawn xegħlu bil-korla, imma jgħidlek iktar fl-Evanġelju: “Bdew jiddiskutu bejniethom x’jagħmlu b’Ġesù” (Lq 6:11). Ma kinetx sempliċiment reazzjoni tal-mument, imma bis-serjetà kienu qed jaraw x’se jagħmlu bih. Nafu fejn waslu. Spiċċaw biex qatlu lil Sid il-ħajja, u għamlu d-deni lil min ma għamilx ħlief ġid.
X’inhu l-messaġġ li Ġesù jrid jagħti lilna llum? Hu, qabel xejn, messaġġ li aħna nqiegħdu l-ewwel dak li jiġi l-ewwel. L-ewwel hu dejjem dak li jagħmel il-ġid lill-bniedem. Fil-fatt, meta taħseb ftit, tinduna: dawn kellhom il-fissazzjoni li għax Jum is-Sibt, ma tistax tagħmel hekk u ma tagħmilx hekk, lanqas tista’ tfejjaq għax qisu xogħol. Imma fil-fatt Jum is-Sibt hu Jum il-Mulej, u l-Mulej jieħu gost meta jkun hemm min ifiq, min jerġa’ jieħu saħħtu. Jieħu gost bil-ġid li jsir – qed tagħti glorja lilu. Mhux qed tikser is-Sibt, imma huma kienu ffissati f’dil-ħaġa.
Il-messaġġ li jagħtina Ġesù wkoll insibuh f’dik il-mistoqsija li għamel li tant hi importanti għal ħajjitna, mhux biss għal ġurnata waħda fil-ġimgħa imma għal kull jum tal-ħajja tagħna. Ġesù jgħid: X’jiswa? “Tagħmel il-ġid jew id-deni? Issalva ħajja jew teqridha?” Hawn għandna l-kriterju l-aktar importanti li għandu jmexxina fil-ħajja tagħna ta’ kuljum: li nfittxu li nagħmlu l-ġid, mhux id-deni; li nsalvaw u nipproteġu l-ħajja, mhux neqirduha. Dan hu importanti għalina dejjem, individwalment u anke għas-soċjetà tagħna. Ħu, per eżempju, id-droga. Hawn min jgħidlek: dan iċ-ċertu tip ta’ droga għar-rikreazzjoni. Imma l-mistoqsija hi li għamel Ġesù: Tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni? Tgħin biex issalva l-ħajja u tipproteġiha, jew teqridha? Ħu l-ambjent, il-ħolqien li Alla tana biex nieħdu ħsiebu, inħarsuh u ngawduh. Jekk aħna flok nieħdu ħsiebu neqirduh, u kull fejn nistgħu nibnu, neqirdu l-ambjent u nagħmlu geġwiġija ta’ bini. Il-mistoqsija hi din: qed nagħmlu l-ġid jew qed nagħmlu d-deni? Qed ngħinu biex insalvaw u nipporteġu l-ħajja, jew neqirduha? Għalhekk il-mistoqsija li għamel Ġesù sservina ta’ kriterju għalina, mhux biss għal ġurnata waħda fil-ġimgħa imma għal kull jum tal-ħajja tagħna.
Nitolbu lill-Mulej illum biex nagħrfu bħalu nqiegħdu l-ewwel dak li jiġi l-ewwel – il-ġid tal-bniedem, il-protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem – u nitolbuh biex jagħtina dejjem dan l-ispirtu tiegħu ħalli fl-għażliet tagħna, kemm individwalment u kemm bħala soċjetà, infittxu li nagħmlu l-ġid u mhux id-deni, li nsalvaw il-ħajja mhux neqirduha.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta