L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida, feġġet issa; għadkom ma ttendejtux? (Iż 44:19) Din il-mistoqsija tal-Profeta Iżaija, tagħtina ċavetta biex nifhmu dak li għamel Ġesù llum. F’dan il-ġojjel, fl-ewwel 11-il vers mill-kapitlu 8, uniku għall-Evanġelju ta’ Ġwanni; li l-istudjużi jgħidulna, li l-komunità Nisranija fl-ewwel sekli, kienet taf bih dan l-inċident ta’ Ġesù, u kienet l-insistenza tal-komunità, li jidħol f’wieħed mill-Evanġelji.
Għaliex il-komunità Nisranija, fehmet li din il-laqgħa ta’ Ġesù mal-adultera, kellha messaġġ qawwi u importanti? Għax bħal kull wieħed u waħda minna, l-ewwel Insara fehmu li Ġesù kellu l-qawwa li jġedded tasssew kollox; u l-aqwa tiġdid jibda mill-qalb tal-bniedem.
Min huma l-protagonisti ta’ din ix-xena li sseħħ fit-Tempju ta’ Ġerusalemm? L-ewwel nett huma l-kittieba u l-Fariżej (dawk li biex nirrepetu frażi għażiża għall-Appostlu Missierna, kienu jsejsu l-ħelsien u l-fidwa tagħhom fuq il-liġi u l-osservanza tagħha). Hemm ukoll din il-mara, li skont min akkużaha, “inqabdet fil-fatt fl-adulterju” (Ġw 8:4). Mingħajr ma jissemmew, fil-qalb u l-moħħ ta’ din il-mara, hemm żewġha li ttradietu, u r-raġel li marret miegħu. Dawn ma jidhrux! Imma li hemm mara, li nqabdet fil-fatt fl-adulterju, fl-infedeltà lejn żewġha, f’dak li għamlet, hemm żewġha u r-raġel ma’ min marret. U hemm raġel ieħor, Ġesù. Ġesù b’dak li għamel, iġedded kollox. Ġgajta ta’ Fariżej, li l-uniku focus tagħhom fil-ħajja, frott ir-rabja, frott il-frustrazzjoni jew l-għira, ma nafux: kienu ħsiebhom f’li jikkundannaw; u l-kundanna f’dan il-kuntest partikolari, tieħu libsa ta’ min iwaddab il-ġebel. “Issa fil-liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom” (Ġw 8:5).
Ejjew nieqfu ftit, l-aħwa, biex nirrealizzaw kemm-il darba aħna stess, individwalment, bħala soċjetà, inħossuha faċli iżjed, inkunu nies lesti biex ingaraw il-ġebel lil xulxin. Kemm-il darba konna f’ikla bejnietna, għand tal-ħanut, fuq l-internet, u tkażajna b’xi ħadd, zekzikna kontra xulxin? Gossip became our life, and our hobby. Dak ukoll tgara l-ġebel; u kultant taħbi jdejk ukoll, wara xi fake profile, jew xi non de plume; imma l-ġebel tgarrah xorta, imma tkun iżjed beżżiegħ jew meskin.
Kemm-il darba konna f’ikla bejnietna, għand tal-ħanut, fuq l-internet, u tkażajna b’xi ħadd, zekzikna kontra xulxin?
Ġesù jaf li din il-mistoqsija li jpoġġulu hi nasba bħal ħafna oħrajn. Ejjew niftakru x’jgħidu l-istess kapijiet lil Pilatu: “Aħna ma għandna setgħa noqtlu lil ħadd” (Ġw 18:31). Imma lil Ġesù jriduh jikkundanna lil din il-mara għat-tħaġġir. Ġesù jieqaf dritt, u jittrasforma ġgajta li tikkundanna, f’grupp ta’ rġiel li jifhmu li huma wkoll żbaljaw, huma wkoll midinbin. “Min fostkom hu bla dnub, jitfgħalha hu l-ewwel ġebla” (Ġw 8:7). Dak il-grupp ta’ rġiel irrabjati, li jafdaw biss fil-liġi, li jridu jonsbuh, jittrasformahom, iġeddidhom; bħalma jġedded ukoll lil dik il-mara: “Mara, ħadd minnhom ma kkundannak? “Ħadd Sinjur,” qaltlu, “Mela anqas jien ma nikkundannak” (Ġw 8:10-11). U kellu dritt forsi, għax il-kriterju li għażel hu, kien wieħed ta’ ‘min hu bla dnub’. U l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, il-Ħaruf bla tebgħa, kien l-uniku raġel f’din il-laqgħa li kien bla dnub. Iħares ħarsa ta’ ħniena, lejn din il-mara tittallab għall-ħniena, u jgħidilha: “Lanqas jien ma nikkundannak”. “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (Ġw 8:11). Ma jgħidilhiex: ‘għamilt tajjeb ta!’ Ma jgħidilhiex: ‘u iva, ma jimpurtax, u mhux xorta!’ Iġġedded! Ġedded lil min ikkundannaha u lilha wkoll ta ħajja ġdida.
Allura nifhmu s-sens ta’ dak li Pawlu l-Appostlu jgħid fuqu nnifsu llum: “waqt li ninsa lil ta’ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri ’l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qed isejħilna hemm fuq fi Kristu Ġesù” (Fil 3:13-14). X’inhi l-aġenda li jagħmel l-Appostlu Missierna għalih innifsu? Hu u jkompli dan il-proċess kontinwu ta’ tiġdid. Għax jekk jgħallimna xi ħaġa Pawlu llum hu li dan it-tiġdid mhuwiex mument u jieqaf; imma hu proċess: “Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet” (Fil 3:10-11).
L-awgurju tiegħi, għalija u għalikom l-aħwa, aħna u nibdew dawn il-ġranet qaddisa tant qrib il-passjoni u l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Li nħalluh iġeddidna, minn komunità li nitfgħu l-ġebel lil xulxin, insiru komunità li nagħrfu bl-umiltà l-bżonn tal-ħniena tiegħu. U nilqgħu mingħandu l-istedina biex niġġeddu tassew: “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (Ġw 8:11).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Is 43:16-21
Salm: 125 (126):1-2ab,2ċd-3,4-5,6
Qari II: Fil 3:8-14
L-Evanġelju: Ġw 8:1-11