• Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Parroċċa tal-Mellieħa

    3 ta’ Ġunju 2017

    Illum, fis-Salm Responsorjali, mis-Salm 50, tlabna din it-talba: “Oħloq fija qalb safja, O Alla, u spirtu qawwi ġedded fija. La twarrabnix minn quddiemek, tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek” (vv.12-13). Din it-talba, għeżież żgħażagħ ta’ din il-parroċċa għażiża u antika, aħna, jiġifieri il-parrinit u l-ġenituri tagħkom, il-ħbieb u l-familja li qegħdin hawn, illum din it-talba nagħmluha għal kull wieħed u waħda minnkom.

    Wara din il-prietka, bħala adulti, se ġġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija tagħkom. Meta ġabukom għall-Magħmudija, intom kontu tarbija u għamiltu waħda minn żewġ affarijiet, jew it-tnejn f’daqqa: jew irqadtu jew qgħadtu tibku. Dakinhar ma stajtux titkellmu imma llum tistgħu.

    U allura jiena se nistaqsikom id-domandi li meta kontu tarbija u tgħammidtu, saru lill-ġenituri u l-parrini tagħkom. Dakinhar irrispondew huma flokhom, illum tirrispondu intom. Illum intom quddiemna, aħna lkoll xhieda tagħkom, tiċħdu lix-xitan u tilqgħu fil-qalb tagħkom mill-ġdid il-ħajja tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu.

    “Oħloq fija qalb safja, O Alla”. Illum se ġġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija lill-Mulej. Hu jbierek ir-rieda tagħkom, joħloq fikom qalb safja, qalb li tfittex lil Alla. Xi tfisser ikollok qalb safja? Ħa ngħallimkom talba qasira li kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca, għiduha warajja. “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”. Dik hi l-qalb safja. Il-qalb safja ddur lejn Alla u kontinwament tgħidlu, fir-risq it-tajjeb u fil-ħażin, “jiena, għandi bżonnok”.

    “Spirtu qawwi ġedded fija”. Dan l-Ispirtu li se jiġi fuqkom bid-dilka tal-Griżma, id-dilka tal-Griżma fir-ruħ tagħkom, tagħtikom id-don tas-siġill tal-Ispirtu s-Santu, don li rċevejtuh fil-Magħmudija, illum jiġi ssiġġillat, l-Ispirtu qawwi tal-Mulej jiġġedded fil-qalb tagħkom. U d-don tal-Ispirtu s-Santu huwa don minn Alla, huwa don perfett għalhekk hemm seba’ doni għax huwa don perfett.

    Nixtieq ngħidilkom xi ħaġa fuq wieħed biss minnhom għax kultant ma nifmuhx tajjeb. Il-biża’ ta’ Alla, id-don, dan x’don hu? Jiena nibża’ minn Alla mhux li titwerwer minnu jew li tibża’ li se tmur l-infern, imma li lil Alla tieħu ħsiebu dejjem u taħseb fih f’kull mument. Meta jkollok tagħmel għażla, tgħid: “Din il-Mulej iridha jew le?”

    Jiġi xi ħadd, joffrilek id-droga, x’se tgħidlu? Jiġi xi ħadd, jgħidlek: “sibt websajt sabiħa fuq l-internet, taf kemm hemm stampi interessanti?” Jekk huma tal-karozzi ma jimpurtax, jekk huma tal-ilbiesi għan-nisa, ma jimpurtax, imma intom tafu għalxiex qed ngħid. U inti trid tagħmel għażla. Għax il-parrinu u l-parrina u ommok u missierek mhux se jkunu dejjem miegħek fil-but, jixtiequ kieku, biex almenu jħarsuk mill-perikli, trid tiddeċiedi inti. Trid tiddeċiedi inti, tagħraf it-tajjeb u tagħraf il-ħażin, tagħmel it-tajjeb u taħrab mill-ħażin, trid taħrab, tlebbet ‘il bogħod minnu.

    Għalhekk issa jkompli “la twarrabnix minn quddiemek, tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek”. Din il-ħaġa tiddependi minnkom. Min minnkom se jgħid bye bye lill-Knisja llejla? Issa ġejt, ħadt il-Griżma, rajt l-Isqof, bye bye, imbagħad forsi, jekk niżżewweġ fil-knisja, nerġa’ niġi. Hekk se tagħmlu? Nispera li le. L-ewwel nett għandkom knisja sabiħa mibnija fuq santwarju, l-eqdem santwarju li għandna fil-gżejjer tagħna tal-Madonna. Intom ulied il-Madonna – ulied il-ġenituri wkoll – imma wlied ukoll spiritwali tal-Madonna tal-Mellieħa.

    Se nabbandunaw kollox issa li ħadna l-Griżma? Le, tgħiduli aħna se niġu l-quddies darba fil-ġimgħa almenu, jekk mhux kuljum, jekk ikollna bżonn se nqerru, se nitqarbnu kemm jista’ jkun ta’ spiss, se nfittxu t-tagħlim Nisrani li jgħodd għalina, mhux tal-vavi, għax intom m’għadkomx tfal. U l-parroċċa tieħu ħsieb permezz tal-Arċipriet u s-saċerdoti, għandkom il-lajċi, il-katekisti li joffrulkom tagħlim adattat għalikom interessanti li jippreparakom għall-ħajja skont l-età tagħkom, li jirrispetta l-libertà tagħkom imma wkoll l-intelliġenza tagħkom.

    Mela, għażla sabiħa li tmur tilgħab il-futbol, li tmur għall-ballet jekk tkun kapaċi, jew tagħmlu affarijiet oħrajn. Jien ma kontx immur ballet u lanqas futbol, imma naf li għandkom ħafna affarijiet x’tagħmlu. Imma meta kont żgħir jien, wara l-Griżma konna nibqgħu niltaqgħu, almenu serata għat-tagħlim Nisrani li tiltaqa’ ma’ sħabek, żgħażagħ Insara oħra. Din hi xi ħaġa li nixtieq ħafna minnkom.

    Nieqaf hawn għax jiena wegħedtkom li mhux se ndum u l-kelma tal-Isqof hija l-kelma tal-Isqof. Se nieħu pjaċir niltaqa’ ma’ kull wieħed u waħda minnkom, imma ppermettuli ngħid kelma ta’ ringrazzjament lill-ġenituri tagħkom u anke lill-parrini. Lill-parrini ngħidilhom: issapportjawhom, itolbu għalihom, għinuhom, jekk ikunu fit-trouble fittxuhom u agħtuhom parir tajjeb, u fuq kollox l-eżempju. Dawn it-tliet affarijiet li nitlob minnkom, għeżież parrini.

    Fuq kollox nitlob fuqkom il-barka, il-ħarsien tal-Madonna. Hi ġabret id-dixxipli magħha u fit-talb huma u jistennew il-miġja tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej, tagħmel hekk magħkom biex il-miġja tal-Ispirtu fil-qalb tagħkom illejla, mhux biss tagħmilkom qaddisin, imma tagħmilkom ferħana li intom Insara.

     Charles J. Scicluna                                                          

         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Rubens Photography