• Is-Sibt 19 ta’ Diċembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna wassal il-messaġġ tiegħu flimkien mal-ogħla awtoritajiet tal-Istat, fl-okkażjoni ta’ ‘Milied Flimkien’, fi Pjazza de Valette, il-Belt Valletta.

    Message by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Pjazza de Valette, il-Belt Valletta

    19 ta’ Diċembru 2015

    Il-Milied huwa sabiħ jekk niskopru ta’ kull sena s-sinjifikat veru tiegħu: li niċċelebraw flimkien it-twelid ta’ tarbija f’għar f’Betlehem, li ngħatat l-isem ta’ Ġesù li jfisser Alla jsalvana. Isem ieħor ta’ din it-tarbija huma Għimmanu-El, Alla magħna.

    Kif tafu, fil-Knisja Kattolika qegħdin niċċelebraw Sena Ġubilari tal-Ħniena. L-appell u l-awgurju tiegħi huwa li dan il-Milied ikun esperjenza sabiħa ta’ ħniena li nirċievu minn Alla, imma wkoll ta’ ħniena li naqsmu ma’ xulxin, billi naħfru lil min naqasna, billi jkollna kliem ta’ rispett lejn xulxin, kliem ta’ ħlewwa, kliem ta’ maħfra, u qatt ta’ mibegħda jew aggressjoni jew vjolenza.

    F’dawn il-jiem, f’dawn ix-xhur u f’dawn il-ġimgħat, ġrajjiet ta’ qsim il-qalb u ta’ terrur setgħu u fil-fatt nisslu fil-qalb tagħna l-biża’ u l-paniku. Ejjew ma naqtgħu qalbna qatt mill-messaġġ ta’ mħabba li wasslitilna t-tarbija ta’ Betlehem, it-tarbija Ġesù.

    Jiena nawgura li fejn hemm il-Christmas tree fid-djar tagħna, hemm ukoll il-Bambin. Jiena nawgura li meta aħna nagħtu x-xewqat sbieħ tagħna, nagħtu wkoll Milied ħieni lil xulxin u nkunu rigal sabiħ għal xulxin bil-preżenza tagħna.

    Insellem lill-anzjani tagħna, lill-morda tagħna li qegħdin isegwuna permezz tal-mezzi tax-xandir u waqt li nirringrazzja lill-mezzi tax-xandir, b’mod speċjali lill-PBS, ta’ dak kollu li jagħmlu biex f’dawn il-ġranet iqarrbuna lejn xulxin, nawgura li dawn il-messaġġi konkreti nsarrfuhom f’ġesti wkoll konkreti fil-ħajja tagħna.

    Nawguralkom mill-qalb Milied ħieni u sena mimlija barka.

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Photocity, Valletta