L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fl-Evanġelju tal-lum skont San Ġwann, fis-sitt Ħadd tal-Għid, nisimgħu espressjoni sabiħa: “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw15:9). Kemm hi stedina sabiħa din li għamel Ġesù.
L-ewwel nett jassikura li l-inizjattiva ġejja minnu, u dil-ħaġa hemm bżonn niftakruha. Wara kollox qed niċċelebraw staġun ta’ ferħ, li jitwieled fil-ġimgħa l-Kbira u fl-Għid il-Kbir. “Kif ħabbni Missieri hekk ħabbejtkom jiena” (Ġw15:9).
Ġesù qed jgħidilna ċar u tond li jekk hemm xi kelma fil-Vanġelu li hemm bżonn niftakruha hija din il-kelma: “Kif ħabbni Missieri hekk ħabbejtkom jien” (Ġw15:9) .
Kultant l-Evanġelju naqrawh u ma niqfux nirriflettu fuq kemm hu profond il-kliem li qed nisimgħu. Ejjew niftakkruha din il-kelma matul din il-ġurnata. Imqar nieqfu fuqha biss: ‘Jien ħabbejtek kif ħabbni il-Missier’. Meta Ġesù jitkellem fuq l-imħabba bejnu u l-Missier qed jitkellem fuq l-ikbar imħabba.
“Kif ħabbni Missieri hekk ħabbejtkom jien”. Ġesù jgħidilna wkoll: “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw15:9). Mela hemm r-rieda u l-istedina tiegħu li nibqgħu f’imħabbtu. San Ġorg Preca kellu espressjoni ħelwa: “Jien ngħix f’Alla bħalma ħuta tgħix fl-ilma”. L-ilma li ngħixu fih huwa l-imħabba t’Alla. Għalhekk, Ġesù jgħidilna “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” għaliex aħna qegħdin ngħumu fl-imħabba ta’ Ġesù.
Nistgħu niddeċiedu naħarbu minnu u nitilqu. Iżda x’jiġrilha l-ħuta meta xi ħadd jaqbadha mill-ilma? Tmut! Ġesù jgħidilna biex nibqgħu fl-imħabba tiegħu għax għandna bżonnha daqskemm ħuta fil-baħar għandha bżonn il-baħar biex tgħix.
Ħaġa oħra sabiħa li jsemmi Ġesù hija l-ferħ. Irridu niftakru li dan id-diskors Ġesù qalu lejlet il-Ġimġħa l-Kbira u aħna qed naqrawh fis-sitt Ħadd tal-Għid. Imma dan id-diskors Ġesù qed jgħidu skont l-Evanġelju ta’ San Ġwann lejlet it-tbatija ħarxa tieghu fuq is-salib dakinhar tat-tradiment tiegħu u qed jitkellem fuq il-ferħ. “U għidtilkom dan biex il-ferħ tiegħi ikun fikom biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw15:11). Hu qed jistedinna biex nobdu l-kmandamenti tiegħu.
Wara kollox, hu jiġbor il-kmandamenti kollha fil-kmandament tal-imħabba għaliex dan hu l-akbar kmandament: li tħobb lil Alla u lil proxxmu tiegħek bħalek innifsek. Dawn huma l-kmandammenti għal Ġesù. Wieħed jista’ jmur il-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd imma mbagħad jgħum fl-imħabba għal Alla u għall-proxxmu u għalih innifsu? Vera jista’ jkun li f’ħajtek qatt ma sraqt xejn, iżda f’qalbek hemm imħabba għal Alla u għalik innifsek? Il-ferħ li jsemmi Ġesù, u li jrid ikun ferħ sħiħ, huwa marbut mal-kmandament tal-imħabba. Ma rrid inpoġġi lil kulħadd f’keffa waħda, iżda ħafna drabi d-dipressjoni u d-dieqa li jkollna jiġu jew għax ma nħossuniex maħbubin jew għax nieqfu nħobbu.
Li ma tkunx maħbub m’għandekx kontroll fuqu għax ma tista’ tobbliga lil ħadd biex iħobbok. Iżda jekk m’hemm ħadd li tħoss li jħobbok, ftakar li hemm xi ħadd li qallek li ta ħajtu għalik u jħobbok tassew! Imma mbagħad tista’ tiddeċiedi li tieqaf jew tgħejja tħobb għax l-imħabba mhix irħisa jew b’sens ta’ tpattija jew rabja. Kemm inkunu boloh li għall-mument ta’ dgħufija ta’ ħaddieħor nabbandunaw l-imħabba!
Mal-imħabba toħroġ ukoll mit-tieqa — jekk mhux mill-velestrun — il-paċi ta’ qalbna u l-ferħ tagħna. Għalħekk illum nixtieq nitlob għal dawk li għaddejjin minn mument fejn ma jħossuhomx li kapaċi jħobbu jew mhux maħbuba. Meta l-Mulej jgħidilna li jħobbna, qed jagħtina kelma li taf tagħmlilna kuraġġ nerġgħu nibdew inħobbu lilna nfusna u lil xulxin.
Jekk Ġesù jħobbok, kif tista’ tobgħod lilek innifsek? Jekk Ġesù jħobbok kif tista’ tgħid li ma tħobbx lil ħutek? Illum Nirringrazzzaw lill-Mulej għall-imħabba tiegħu.
Għalkemm aħna qegħdin fis-sitt ħadd tal-Għid, fi tmiem din ir-riflessjoni nixtieq ningħaqad ma’ ħutna l-Ortodossi li llum qed jiċċelebraw l-Għid. Din id-diskrepanza ġejja minħabba li l-kalendarju tagħna u dak Ortodoss huma ftitdifferenti u hemm għaxart ijiem differenza. L-Għid nikkalkulawh fuq il-Ħadd ta’ l-ewwel qamar kwinta tar-rebbiegħa, li tibda fil-21 ta’ Marzu.
Meta fil-kalendarju tagħna naslu għall-21 ta’ Marzu, l-Ortodossi jkunu għadhom ma waslux għal dik id-data. Din is-sena l-Għid tagħna ġie fil-31 ta’ Marżu, qrib ħafna ir-rebbiegħa, għax dak kien l-ewwel Ħadd ta’ wara l-ewwel l-qamar kwinta tar-rebbiegħa. L-Ortodossi kellhom jistennew erbgħa ġimgħat wara għax il-qamar jerġa’ jsir kwinta u mbagħad jasal l-ewwel Ħadd ta’ wara l-ewwel qamar kwinta. Iżda s-sena d-dieħla, peress li l-Għid tagħna ġej tard ħafna, aħna u l-Ortodossi se niċċelebrawh flimkien. Allura jekk tisimgħu il-Papa fl-Anġelus isellmilhom u jgħidilhom l-Għid it-tajjeb. Jekk aħna ilna nieklu figolli, l-Ortodossi bdew mill-bieraħ, is-Sibt il-Glorja.
Tradizzjoni ħelwa, almenu fil-gżira ta’ Korfu, hija li jaqbdu q-qsari tal-fuħħar u jwaddbuhom minn fuq għal isfel biex jagħmlu ħoss kbir. Ilbieraħ laqtu wkoll lil xi ħadd f’rasu imma dak ukoll huwa il-ferħ tal-Għid ta’ ħutna l-Ortodossi.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 10:25-26,34-35,44-48
Salm: 97(98):1,2-3ab,3ċd-4
Qari II: 1 Ġw 4:7-10
L-Evanġelju: Ġw 15:9-17