L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Hemm kelma moderna – anzi, nistgħu ngħidu kelma li saret tal-moda – imma fil-verità hi antika ħafna. Ġesù jitkellem fuq dak li llum insejħulu accountability, jew il-kontabbiltà. Jitkellem dwar il-fatt li iżjed ma tingħatalek responsabbiltà, iżjed jippretendu kont mingħandek: “Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu” (Lq 12:48).

Ġesù qed jinsisti fuq is-sens ta’ responsabbiltà. Kelma oħra għal accountability hija proprju r-responsabbiltà: id-dover u l-kapaċità li wieħed jagħti risposta ta’ għemilu. Għax l-għerq ta’ din il-kelma ġej proprju hemmhekk, jiġifieri li tagħti rispons, tweġiba, għal dak li għamilt u taċċetta l-konsegwenzi ta’ dak li għamilt.

Ġesù jagħtina l-aħbar sabiħa li se jiġi. Imma se jiġi wkoll biex jara kif aħna użajna d-don sabiħ tal-ħin u dak kollu li l-ħajja tlaqqagħna miegħu. L-ewwel ħaġa li jgħidilna hi biex ma nibżgħux: “Merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!” (Lq 12:32).

Ikun hemm kemm ikun hemm min jkiddek, jew iċ-ċirkostanzi jkunu iebsa f’ħajtek, Ġesù qed jgħidlek biex ma taqtax qalbe, għax hu magħna u li d-destin imħejji għalik huwa sabiħ. Imma jgħidilna wkoll li biex ikollna stennija sabiħa — għax il-ħajja hija wkoll stennija tal-Mulej li ġej.

Wara l-konsagrazzjoni ngħidu: “Nistennewk sa ma tiġi fil-glorja. Nistennewk!” Aħna poplu fi stennija sabiħa.

U Ġesù jitkellem dwar din l-istennija sabiħa ta’ nies li għandhom “ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula” (Lq 12:35), imma qalbhom tistrieħ f’dak li ma jgħaddix: “Fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll” (Lq 12:34).

Jekk qalbi tistrieħ fuq affarijiet li jgħaddu, allura tistrieħ fuq xi ħaġa li mhux se tagħtini la ferħ u lanqas paċi. Aħna msejħin għall-ħajja ta’ dejjem, mhux għal ftit jiem ta’ miżerja. Kultant, mingħalina li jekk inpoġġu qalbna fil-flus jew fir-regħba se nkunu kuntenti. Imma lkoll nafu li l-ebda ammont ta’ flus mhu se jagħtik il-kuntentizza. Meta tinħeles minn dan il-jasar tgawdi tassew il-ġid li jkollok — kemm jekk hu ftit jew ħafna.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Jalla kulħadd ikollu ħafna! Imma jalla nitgħallmu ma norbtux qalbna mal-ġid li jgħaddi, imma ninqdew bih biex nagħmlu l-ġid u nħallu dinja aħjar milli sibnieha. Inħobb ngħid din il-frażi: mhux importanti x’tagħmel; importanti li t-triq tiegħek tkun dik li l-Mulej irid li tgħaddi minnha. It-talba li tgħodd għal kulħadd hi: “Mulej, agħtini l-grazzja li d-dinja nħalliha aħjar milli sibtha.”

Hemm min, biex jagħmel erba’ soldi, id-dinja jgħarraqha u mhux iħalliha aħjar. Ħabib, inti żbaljat! Inti m’għandekx ferħ, u lilna ħassartilna l-kwalità tal-ħajja. Hemm min, għal erba’ soldi, ma jimpurtahx mill-proxxmu, u la hu kuntent jagħmel ħajja ta’ ħaddieħor miżerja. Dak it-teżor ta’ qalbu hu fqir.

Ħaġa oħra li Ġesù jgħallimna llum hi li aħna msejħin biex fil-ħajja tagħna nkunu ta’ servizz għal xulxin, kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu. Ħafna drabi nsemmi lill-ġenituri, għax jiena tgħallimt xi tfisser tħobb fis-sagrifiċċju permezz mill-esperjenza tal-familja tiegħi (il-papà ħalliena, imma l-mamà għadha magħna). Għandi ammirazzjoni kbira lejn min irabbi l-familji, anki llum, minkejja l-isfidi.

Hemm min jgħid: “Illum, Father, iżjed diffiċli,” u nemminha. Imma min jgħix il-vokazzjoni tiegħu, hi x’inhi, u jġorr ir-responsabbiltajiet tiegħu fis-soċjetà. Jekk tagħmel xogħlok b’onestà, ma tinqediex bix-xogħol biex ixxaħħam il-but jew issir sinjur f’tebqa t’għajn. Għax wara kollox, dak x’jiswa jekk tispiċċa bla ferħ u bla dinjità? L-iskop għandu jkun li nkunu ta’ servizz għal xulxin.

Pietru, il-kap tal-appostli, jistaqsih: “Imma dan jgħodd għalina?” (Lq 12:41). Hawnhekk nixtieq nagħmel ftit awtokritika għalina li aħna mexxejja fil-Knisja, pereżempju, fil-komunità. Għax Pietru qed jitkellem f’isimna, u Ġesù ma jħallihx lixxa: “Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex” (Mt 16:18).  Ġesù jgħidlu wkoll li iżda jekk meta jiġi, jsib li abbuża mill-poter u trattajt lin-nies ħażin, ikollu jagħti kont (ara Lq 12:45). Imma jgħid ukoll li jekk is-servizz li ngħatajt mhux privileġġ imma qadi u tagħmlu b’fedeltà, tieħu l-premju li jistħoqqlok” (ara Lq 12:46). Dik hi l-kontabbiltà, ir-responsabbiltà.

Aħna ħafna drabi ninsew li ngħatajna r-responsabbiltà li nieħdu ħsieb xulxin. Mhux dejjem faċli. Kultant ikun hemm min jgħidlek: “Le, grazzi… tajjeb.” Imma inti tkun għamilt il-parti tiegħek. Il-Mulej iħares lejn l-isforzi tagħna, mhux biss lejn is-suċċessi. Għax ħafna drabi l-ħajja ma tiddependix biss mill-volontà tajba tagħna. Kultant tixtieq tgħin lil xi ħadd, imma dan ma jridx. Taqtax qalbek! Alla jaf il-qalb tiegħek u ta’ ħaddieħor.

Għalhekk, illum, permezz tal-Kelma li tana l-Mulej Ġesù, nitolbu biex kulħadd, skont ir-responsabbiltà tiegħu, ikollu ħajja sabiħa fl-istennija tal-Mulej li ġej, u li qalbna tistrieħ fejn hemm tassew il-paċi.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Għerf 18:6-9
Salm: 32 (33):1,12,18-19,20,22
Qari II: Lhud 11:1-2,8-12
L-Evanġelju: Lq 12:32-48

Aktar ritratti