Is-seminarist Andrew Camilleri ser jiġi ordnat djaknu mill‑Arċisqof Charles J. Scicluna llum 20 ta’ Jannar 2020. Il-Quddiesa ser issir fir-residenza ta’ St Vincent de Paule, Ħal Luqa. Camilleri huwa mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina, iż-Żurrieq, u bħalissa qed jaħdem fiċ-Ċentru Internazzjonali tal-Moviment tal-Fokolari f’Ruma, l-Italja.
Permezz tal‑ordinazzjoni, id‑djaknu l‑ġdid isir xebh ma’ Ġesù Kristu li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd. Id‑dmirijiet tad‑djaknu huma li l‑ewwel u qabel kollox jiddedika ħajtu għal qadi bl‑imħabba (djakonija) fis‑servizz tiegħu lejn il‑poplu, jassisti lill‑isqof u lis‑saċerdoti fiċ‑ċelebrazzjoni tal‑misteri qaddisa, l‑aktar tal‑Ewkaristija, jamministra s‑Sagrament tal‑Magħmudija, jassisti għaż‑żwieġ u jbierku, ixandar l‑Evanġelju u jipprietkah, u jmexxi funerali.
Kulħadd huwa mistieden biex jattendi għaċ‑ċelebrazzjoni tal‑ordinazzjoni.