Knisja Parrokkjali ta’ Ħaż-Żabbar
14 ta’ Frar 2016
Fl-ewwel Ħadd tar-Randan ta’ kull sena, l-Evanġelju tal-Quddiesa jfakkarna fil-mument meta Ġesù kien ittentat mix-xitan. Din is-sena għadna kemm smajna r-rakkont li jagħtina l-Evanġelju skont San Luqa. Ix-xitan jittenta lil Ġesù tliet darbiet. L-ewwel darba jieħu l-okkażjoni tal-ġuħ li l-Mulej qiegħed iħoss ta’ bniedem li hu, u jgħidlu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż” (ara Lq 4, 3). Fi kliem ieħor, ‘uża l-qawwa tiegħek ta’ Iben ta’ Alla biex ittaffi l-ġuħ tiegħek’. Hija tentazzjoni qawwija li Ġesù isib soluzzjoni għall-ġuħ tiegħu billi juża’ qawwa li mhix qiegħda għalih innifsu f’din id-dinja imma biex tkun ta’ servizz għall-umanità. Iżda Ġesù jirrifjuta u jgħid: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (Lq 4, 4). Din il-qawwa li biha jittentah ix-xitan, il-Mulej jużaha biex jitma’ lill-folol li kienu ġew biex jisimgħuh, li kien irejjaqhom bil-Kelma ta’ Alla, u d-dixxipli tiegħu qalulu: “Dan post imwarrab, u ġa sar ħafna ħin. Ibgħathom, ħa jmorru fl-irziezet u fl-irħula qrib jixtru xi ħaġa x’jieklu. Iżda hu weġibhom: ‘Agħtuhom intom x’jieklu’” (ara Mark 15, 35-37). Ġesù juża’ l-qawwa tiegħu biex jitma lill-eluf ta’ nies, imma għalih innifsu din il-qawwa m’użahiex.
It-tieni tentazzjoni hija li l-missjoni tiegħu jaraha bħala missjoni tas-setgħa ta’ din id-dinja. “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jien nagħtiha lil min irrid.” Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun” (Lq 4, 6-7). Ix-xitan jitlob prezz għoli għall-poter ta’ din id-dinja, “tadurani u nagħtik il-qawwa li trid”, imma hija qawwa politika. Ġesù jerġa’ jikkwota l-Iskrittura: “Lill-Mulej Alla tiegħek tagħti qima, u lilu biss taqdi” (Lq 4, 8). Il-qawwa li għandu l-Mulej mhijiex ta’ din id-dinja bħalma jgħid quddiem Pilatu: Is-setgħa tiegħi mhux ta’ din l-art, “is-saltna tiegħi mhiex ta’ din id-dinja” (ara Ġw 18, 36). U lix-xitan jgħidlu: “lill-Mulej Alla tiegħek tadura” (Lq 4, 8).
It-tielet tentazzjoni hija li jaqdi l-missjoni tiegħu li jsalvana b’mod spettakolari, li jġgħalna ngħidu: ‘O x’qawwa kbira, o x’ħaġa straordinarja’. “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel”, imbagħad l-anġli jiġu jsalvawk u kulħadd jistagħġeb bik (ara Lq 4, 9-11). Iżda l-Mulej jirreżisti din it-tentazzjoni! “Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek” (Lq 4, 12), għax il-mod kif se jsalvana mhux b’dan il-mod spettakolari, anzi billi jumilja ruħu u jingħad mal-midinbin. Hu jsir spettaklu għalina, imma minxur fuq is-salib. Mhux se jattirana lejh billi aħna ngħidu: ‘O x’meravilja, kemm hu bravu, kemm hu qawwi!’ Aħna ninġibdu lejn il-Mulej malli naraw il-ħniena tiegħu fuq is-salib. Kif għedna aħna l-Isqfijiet, fl-Ittra Pastorali għar-Randan li ħabbarna llum, “il-ħniena ta’ Alla tant hija bla limitu li kapaċi tagħtina skandlu!” Mhux tgħaġġibna bil-qawwa tagħha għax hi spettakolari, għax il-ħniena ta’ Alla tinfed il-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna fis-skiet, mingħajr storbju. “Hemm min ma jifhimx kif Alla huwa dejjem lest biex iqassam il-mediċina tal-ħniena. Imma jista’ jiġri li aħna tqal biex naħfru għaliex kif jgħallem Ġesù, inħossuha iżjed faċli naraw it-tibna li hemm f’għajnejn ħutna, milli t-travu li hemm f’għajnejna (ara Lq 6,41). Huwa biss meta ngħoddu ruħna mal-midinbin li naslu biex ikollna l-umiltà u l-kuraġġ biex naħfru” (L-Ittra Pastorali tar-Randan 2016).
Aħna llum għamilna pellegrinaġġ antik u devot; u f’dan il-pellegrinaġġ akkumpanjatna x-xbieha għażiża u straordinarjament sabiħa tal-Madonna tal-Grazzja. Il-Madonna trid takkumpanjana fil-pellegrinaġġ tagħna lejn Ġesù, aħna u nfittxu l-ħniena tiegħu. Ħadd minna, ħadd minna, hu min hu, hi min hi, m’għandu jqisu mbiegħed mix-xenqa ta’ Ġesù li jħenn għalina. Int min int, il-Mulej għandu xewqa kbira li jurik il-ħniena tiegħu, għandu għatx biex jurik kemm iħobbok u m’hemmx persuna aqwa mill-Omm biex tipperswadina minn din il-verità.
“Il-mediċina tal-ħniena li ġejja minn Alla u li għandha l-qawwa li tfejjaqna mill-mard kollu tagħna tissejjaħ propju ‘miżerikordja’ jew rikonċiljazzjoni” (ara l-Ittra Pastorali tar-Randan 2016). Iżda jiena ħa nżid nota li mhix qiegħda fl-Ittra Pastorali, tissejjaħ ukoll ‘grazzja’, miżerikordja, rikonċiljazzjoni, ħniena, grazzja! “Għax kollox telaq minn Alla li ħabbna, anzi li ‘ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu, bla ma qagħad iżomm il-kont ta’ dnubietna’ (ara 2 Kor 5, 18-19). Anzi, kif naqraw fil-profeta Iżaija, “Hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. … Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna” (Is 53, 4-5, L-Ittra Pastorali tar-Randan 2016).
Mela jekk trid tifhem kemm hija għażiża l-ħniena li Alla jrid jurik, il-grazzja li biha jrid ilibbsek, ħares lejn Ibnu msallab u lejn Ommu wieqfa taħt is-salib, lejn id-Duluri. Nitolbuha lill-Madonna f’dan l-Ewwel Ħadd tar-Randan, hi li hi Omm il-grazzja u Omm il-ħniena, li ddewweb il-qalb iebsa tagħna għalina nfusna u għal xulxin biex aħna, mingħajr biża’ imma b’ferħ kbir, nersqu lejn il-qrar.
Ħuti, is-sagrament tal-qrar mhuwiex it-tortura tal-Kattoliċi, imma għajn ta’ grazzja, u nirrepeti l-kliem tal-Papa Franġisku lill-ħuti s-saċerdoti, ejjew bil-ġesti tagħna, bil-kliem tagħna, nagħmluha faċli għal dak li jkun biex jqerr. M’hemmx għalfejn nagħmlulu interrogatorju u nistaqsuh seba’ mitt mistoqsija: il-moħħ, il-qalb jifhmu dak li jkun xi jrid jgħid b’diffikultà kbira. Kull fejn tista taħfer, aħfer, u fejn ma tistax, għin lil dak li jkun biex ma joħroġx mill-laqgħa mas-saċerdot ferut jew umiljat, imma nkoraġġit b’qalbu mimlija bit-tama.
Ejjew nitolbu għal ħutna li tbegħdu mis-sagrament tal-Qrar, mhux biex bit-talb tagħna naħsbu li aħna aħjar minnhom, imma biex magħna, li aħna midinbin, magħna, ilkoll kemm aħna bħala familja waħda f’dan ir-Randan, f’din is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena, niskopru l-‘benna’ li nkunu qrib il-Mulej, li aħna u nikkontemplaw it-tbatija tiegħu, il-paċenzja tiegħu, il-qalb kbira tiegħu, nifhmu li huwa jitpaxxa meta jħenn għalina, meta jagħtina l-grazzja tiegħu.
Sidtna Marija tal-Grazzja, Omm il-Ħniena, itlob għalina.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta